Li tixtri x’tiekol u x’tixrob abbord l-ajruplan waqt titjira huwa kunċett li llum il-ġurnata sar standard għal kważi l-linji kollha tal-ajru Ewropej.
F’pass ieħor ‘il quddiem bħala parti mill-istrateġija ta’ tkabbir imħabbra f’Settembru tas-sena li għaddiet, l-Air Malta se tintroduċi menu ġdid b’għażla ta’ aktar minn sebgħin prodott ta’ ikel u xorb ta’ kwalità li jistgħu jinxtraw abbord titjiriet tal-Air Malta.
Għall-ewwel darba, l-passiġġieri se jkollhom l-għażla li jħallsu kemm bil-flus u kemm b’karta tal-kreditu, faċilita’ li qatt ma kienet offruta qabel.
Dan is-servizz se jibda jingħata mill-Ħamis li ġej biex b’hekk se jingħaqad ma’ sensiela oħra ta’ inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur kif fisser il-ministru għat-turiżmu, Konrad Mizzi:
“Tajjeb li ngħid ukoll li dan huwa l-ewwel bidla tal-proċess, fix-xhur li ġejjin ladarba fl-economy class inkunu daħħalna l-buy on board service, fil-club class, fil-business class se nintroduċu menu ġdid li huwa ta’ kwalita ferm aħjar ukoll”
Fi stqarrija, l-Air Malta saħqet kif ifukkat li tagħżel prodotti b’reputazzjoni għolja u ta’ kwalità li jolqtu l-gosti tal-konsumaturi ġejjin minn pajjiżi differenti.