Argument jaħraq bejn koppja sewa qares għall-għarus; dan wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għas-sieħba tiegħu Jacqueline Briffa kif ukoll li heddidh
Il-każ seħħ kmieni t-Tnejn wara nofsinhar għall-ħabta tas-13:45 fi Triq il-Knisha x-Xgħajra meta allegatament Charles Buhagiar mar fir-residenza tagħha u qabad jheddidha u jkellimha ħażin kif ukoll ħebb għaliha bil-konsegwenza li kkawżalha ġrieħi ħfief.
Jidher li r-relazzjoni tagħhom ma tantx kienet waħda feliċi, dan hekk kif Buhagiar jinsab akkużat ukoll li fl-jum li seħħ il-każ kif ukoll fi drabi oħra huwa għamel użu minn apparat elettroniku li bih hedded lit-tfajla tiegħu bil-għan li jagħmel gwadann ta’ flus minn fuqha- fejn saħansitra allegatament heddidha li ser jimmalafamha man-nies. Konsegwentament, huwa kkawżalha biża dwar is-sigurta personali tagħha u ta’ familtha.
Apparti l-vjolenza u t-theddid, Charles Buhagiar qed jaffaċja akkużi li rreżista l-arrest- dan hekk kif malli ġie arrestat ħarab jiġri mill-pulizija iżda b’ħeffa mmedjata qabduh, kif ukoll li kkawża ġrieħi ħfief fuq xi uffiċjali.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-liberta’ proviżorja taħt garazija personali ta’ 5,000 ewro kif ukoll ġie mġiegħel iħallas depożitu ta’ 1,000 ewro. Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Għall-akkużat dehru l-avukati Dr Franco Debono u Dr Amadeus Cachia.