Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema speċjali tal-eżenzjoni tal-VAT għal intrapriżi żgħar għandha tippermetti miżuri simplifikattivi f’każ li l-Istati Membri tal-UE jagħżlu metodi aktar stretti fil-ġbir tal-VAT, qal Alfred Sant, Shadow Rapporteur għal Grupp tal-S&D, lill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Ekonomiċi (ECON).
Il-Kummissjoni Ewropea ipproponiet sistema komuni ta’ VAT fir-rigward ta’ skema speċjali ta’ VAT għall-intrapriżi ż-żgħar fil-qafas tal-kunsiderazzjonijiet tal-emendi mill-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew. Is-sehem tal-SMEs fl-ekonomiji tas-sistemi nazzjonali jvarja u xi pajjiżi jistgħu jiddependu aktar mill-VAT miġbura mill-SMEs minn pajjiżi oħra. Dan huwa rilevanti ħafna fil-każ ta’ Malta, li tirċievi l-akbar kontribut fiskali mill-SMEs, ħafna aktar minn pajjiżi oħra tal-UE.
Il-proposta tal-KE hija maħsuba biex jitneħħew ir-riġiditajiet tal-VAT fir-rigward tal-SMEs.
Dr Sant saħaq li l-MEPs għandhom jivvotaw għal limiti adattati għaċ-ċirkostanzi tal-pajjiżi tagħhom. Din id-direttiva m’hix kwistjoni ideoloġika. Għandha taġevola it-traffiku għal SMEs li huma lesti jidħlu fil-kummerċ tal-UE ma’ stati membri oħra.
Għal dan il-għan, Dr Sant esprima l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni online u għal one-stop-shop għal filing tal-VAT returns fi Stati Membri differenti li se jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni.
L-Ewroparlamentari enfasizza li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni ma għandhomx ikunu triq għal evitar tat-taxxa u l-frodi fil-VAT.
“Li l-proċess tal-VAT isir aktar sempliċi għall-SMEs m’għandu bl-ebda mod jippermetti l-iffaċilitar ta’ abbużi jew għajbien tal-flus mit-taxxa.” irrimarka l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.
Dr Sant qal li kien totalment favur il-limitu propost mill-Kummissjoni ta’ €2 miljun fatturat kull sena, għax għandu fiduċja fl-esperjenza eżekuttiva tal-KE. Huwa oġġezzjona b’mod qawwi għall-emenda tar-Rapporteur li żżid il-limitu fid-definizzjoni tal-SMEs sa valur ta’ €4 miljun. Din iż-żieda jista’ jkollha implikazzjonijiet baġitarji kbar għal Malta u tista’ twassal għal telf ta’ dħul għat-teżor nazzjonali.
“Nissuġġerixxi li wieħed iżomm mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni bil-limitu massimu stabbilit għall-eżenzjoni biss, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu bil-possibbiltà li jistabbilixxu l-iktar waħda baxxa.”
L-Ewroparlamentari Malti irrefera għal emenda li ressaq fir-rigward tar-reġim transitorju.
“Meta l-SMEs jaqbżu l-limiti ta’ eżenzjoni ta’ €85,000, għandhom jingħataw perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, aktar milli ta’ sena, qabel ma jitilfu l-istatus ta’ eżenzjoni tagħhom, dejjem jekk il-fatturat annwali fl-Istat Membru kkonċernat matul dawn is-sentejn ma jaqbiżx il-limitu b’aktar minn 50%. Dan jippermetti lill-SMEs f’ċerti setturi, bħas-settur tal-kostruzzjoni, li jiffaċċjaw fatturi staġjonali u domanda irregolari, biex jibbenefikaw minn perjodu aktar fit-tul.”
B’referenza għad-dati ta’ implimentazzjoni, Dr Sant qal li flimkien mal-grupp S & D, qed isostni l-avvanz tagħhom, peress li dawn il-miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-VAT jistgħu jiġu implimentati aktar malajr mir-reġim definittiv tal-VAT.
Ir-rapport se jitressaq għal vot nhar l-Erbgħa 11 ta’ Lulju fil-Kumitat ECON u se jiġi diskuss u vvotat aktar tard f’Settembru fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew.