Il-partit Laburista se jkun qed itella’ l-avveniment ideali fejn wieħed se jkun jista’ jgawdi tassew l-entużjażmu u l-ewforija li ġġib magħha l-finali tat-tazza tad-dinja.
‘Winners- The football concert’ organizzat fil-kumpless Aria dakinhar li tintlgħab il-finali, se joffri mhux biss l-ispettaklu ta’ futbol li se toffri l-logħba, iżda wkoll atmosfera ta’ brijju u ċelebrazzjoni permezz ta’ kunċert kbir.
Filwaqt li l-ikel, xorb u xi qabża ġo waħda miż-żewġ pools ma jonqsux, wieħed se jkollu wkoll l-opportunità biex juri xi jsarrfu t-talenti tiegħu fil-futbol kontra wħud mill-aqwa plejers Maltin. Dawk li jilgħabu se jkunu fiċ-ċans li jirbħu rigali uffiċjali tat-tazza tad-dinja.
Għal min jinkwieta li meta jmur jara xi partita taħraq ma jkunx jista’ jara l-logħba sew, il-Partit Laburista qed jassigura li dan ma jkunx il-każ, hekk kif flok it-tlett skrins li s-soltu jkun hemm fuq il-Palk ta’Aria, dakinhar se jkun hemm skrin bil-bosta ikbar.
Dakinhar se jkun hemm ukoll spazju apposta għall-parkeġġ, biex b’hekk il-problema ta’parkeġġ fl-akwati ukoll tiġi eliminata.
Filwaqt li dan l-avveniment huwa mistenni minn bosta fanatiċi tal-futbol, li din is-sena it-timijiet li jżommu magħhom m’għamluhiex sal-fażijiet finali, jekk it-tim li żżomm miegħu se jkun qed jilgħab fil-finali, dan l-avveniment ma tistax titilfu.
Dan għaliex jekk it-tim tiegħek jirbaħ se tkun f’nofs l-atmosfera ta’ briju. Iżda jekk min-naħa l-oħra t-tim li żżomm miegħu joħroġ tellief, ta’ lanqas il-kunċert u d-DJs li se jdoqqu hekk kif tintemm il-logħba żgur se jtejbulek il-burdata.