Id-Deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina, għamel mistoqsija parlamentari lill-Ministru Owen Bonnici dwar min mar fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti tal-PBS fl-aħħar xhur.
Mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jassumi li din il-mistoqsija saret biex wieħed iżomm kontabbli lill-istazzjon nazzjonali fuq dik li hi rappreżentanza ekwa bejn iż-żewġ partiti. Iżda, sorsi fil-Partit Nazzjonalista spjegaw lil gazzetta Kulħadd li l-fatti jmorru lil hinn minn hekk.
Dik id-domanda parlamentari saret biex Karol Aquilina jkollu analiżi dettaljata ta’ min intbgħat fil-programmi tal-PBS min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.
Il-produtturi tal-programmi huma obbligati li jagħmlu kuntatt mal-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-partiti politiċi meta jkun hemm stedina u tagħhom hija l-aħħar kelma. Dan fisser li mill-PN fl-aħħar xhur intbagħtu ferm iktar deputati li jmorru tajjeb mal-grupp ta’ Adrian Delia milli dawk li jmorru tajjeb mal-grupp ta’ Simon Busuttil u Karol Aquilina issa għandu l-fatti dokumentati f’idejh. Dan biex meta internament jinqala’ l-bżonn ikun jista’ jaffaċċja lit-tmexxija tal-partit bin-numri f’idejh.
Il-Ministru Owen Bonnici ta iktar minn 50 paġna ta’ stediniet u deher ċar minnhom li ma kien hemm ebda kwistjoni ta’ żbilanċ bejn il-partiti. Fil-fatt, żiedu s-sorsi tagħna, li kieku kien hemm il-Partit Nazzjonalista kien jilmenta mal-Awtorità tax-Xandir. Iżda dawn l-ilmenti ma sarux biex kompla jkun ikkonfermat l-għan ta’ Aquilina f’dan kollu.
Fil-PN illum hemm qasma sħiħa fejn għalkemm Delia jgħid li l-bieb miftuħ għal kulħadd, l-attitudni hi dik fejn xi wħud qed ikunu murija kontinwament il-bieb ta’ barra. Hekk ġralu Norman Vella fl-aħħar jiem meta saħansitra kien imċaħħad mid-dritt li jagħtih l-istatut tal-partit li jsib postu fl-eżekuttiv wara li min ġie qablu fl-elezzjoni irtira mill-politika u ma baqax jattendi.
Filwaqt li din tal-programm qed tweġġa’ ħafna nies. Għax persuni li kienu ġejjin u sejrin fuq it-televiżjoni bħal Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami kważi sparixxew għalkollox. Dawk li jappoġġjaw lil Delia jgħidu li l-poplu ma jridx lil dawn in-nies, iżda ġustament dawn jargumentaw li bl-istess argument lanqas irid lil Clyde Puli u David Agius li spiċċaw ġejjin u sejrin fuq it-televiżjoni. Saħansitra tkellem f’isem dawk li spiċċaw barra David Thake li issa għandu gwerra fil-miftuħ mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli.
Fl-aħħar ġimgħat l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista u preżentatur fuq il-midja Nazzjonalista David Thake akkuża lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u lill-Kap Eżekuttiv tal-midja tal-partit Pierre Portelli li qed iwaqqfu deputati Nazzjonalisti milli jidhru fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista. Fuq Facebook, Thake kiteb li eks kollegi fil-midja tal-Partit Nazzjonalsita kkonfermawlu li mindu Puli u Portelli ħatfu taħt idejhom it-tmexxija tal-PN u bdew jimplimentaw il-“mod ġdid” tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kull mistieden fuq NET TV u Radio 101 irid ikun approvat minnhom.
Kien hawn li akkużahom li qed iwaqqfu numru ta’ persuni u deputati Nazzjonalisti milli jidhru fuq il-midja tal-partit.
“Sewwa qrajtu,” qal Thake. “Ma jridux nies Nazzjonalisti u deputati li vvutajtu għalihom intom fuq l-istazzjonijiet iffinanzjati minnkom. Il-bojkott ordnat minn Puli u Portelli mhux kontra nies jew deputati Laburisti jew opportunisti, imma kontra Nazzjonalisti stess, inkluż deputati. Imbagħad jippriedkaw li jridu l-għaqda. X’ipokrisija,” kiteb Thake li ftit tal-jiem ilu kien involut f’battibekk jaħraq ma’ Puli fuq Twitter.
B’reazzjoni għal din l-akkuża, Pierre Portelli akkuża lil Thake b’gideb u b’mod ċiniku rringrazzjah għax tah l-opportunità li jinforma lil dawk li għadhom isegwuh li dak li qed ixerred huwa gidba mill-bidu sal-aħħar.
Bi tweġiba, Thake qallu li l-informazzjoni li għandu ġejja mingħand nies kostretti jsegwu l-istruzzjonijiet tiegħu u ta’ Puli. Qallu li dawn in-nies m’għandhomx għax jigdbu iżda hu għandu ħafna raġunijiet għal xiex jiċħad.