Kuljum fl-aħħar ġimgħat l-midja ħarġu rapporti ta’ inkwiet mill-Partit Nazzjonalista u fost oħrajn l-mira kien hemm Pierre Portelli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Media.Link.
L-imkejjen tal-gazzetta ‘Kulħadd’ fl-istamperija mhux biss reġgħu kkonfermaw l-aħbarijiet li ħarġu minn ONE NEWS fl-aħħar jiem iżda fissru li hemm iktar minn hekk. Tennew ukoll li dan spiċċa qed jimbarazza lill-Kap Adrian Delia, għalkemm dawk li jridu jilmentaw mid-deċiżjonijiet tiegħu qed isostnu li jkun kollu għalxejn ladarba Delia jinsab fil-but ta’ Portelli.
Pierre Portelli mhux biss kien l-mira ta’ kritika kbira minħabba li neħħa Santa Monika biex daħħal id-drama tal-kumpanija tiegħu ‘Fattigi’, iżda kien ikkritikat ukoll minħabba NET FM.
Filwaqt li l-bidla minn Radio 101 għal isem ġdid setgħet iġġib xi ftit reazzjonijiet minn uħud nostalġiċi fil-Partit Nazzjonalista, l-ikbar kritika kienet ġejja mill-ġodda. Għax ikkritikawh bil-bosta kif din il-libsa ġdida ta’ NET FM mhi libsa ġdida xejn għax ħafna mill-materjal viżiv jinstab b’tiftixa sempliċi fuq l-internet.
Xi ħaġa li Portelli kien ikkritikat bl-aħrax għaliha b’nies fl-istamperija jgħidu li basta ħa l-eluf biex ġab dak li faċilment setgħu jagħmlu ħafna. Pierre Portelli jaf li din hi kritika ħarxa li qed jaffaċċja. Iżda, fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista qed imur jgħidilhom lil-kritika hija spin tal-Labour għax qed jiddejqu bis-suċċess li qed iġib hu għall-Partit Nazzjonalista. Dwar dan mhux biss m’emmnuhx ta’ ġewwa, iżda lanqas dawk ta’ barra li ċemplu biex jgħajruh fuq l-istazzjon.
Naturalment, qed jaħdem kontra Portelli l-fatt li l-grupp ta’ Simon Busuttil qed ikomplu jrewħu b’David Thake jikteb pubblikament imma oħrajn qed izekzku fil-każini Nazzjonalista meta jiltaqgħu għal xi drink tal-festa.
Fost dawk li fl-aħħar jiem ħabbtu l-bieb ta’ Pierre Portelli biex jgħidulu li mhux jimxi b’mod ġust kien hemm xi ġurnalisti ta’ NET TV.
Dan wara li saru jafu li b’żewġ programmi ġodda fuq ir-radju u wieħed ġdid fuq it-televixin, Stephanie Chircop qed tieħu madwar €30,000 fis-sena. Is-sorsi ta’ din il-gazzetta fissru kif dan hu iktar mill-ġurnalisti li jaħdmu qatigħ fil-kamra tal-aħbarijiet u li huma l-qalb tal-istazzjon. B’hekk ma ħadux pjaċir u lmentaw fil-miftuħ kif huma għandhom ftit iktar minn €20,000 u jridu jegħrqu l-għaraq ta’ xbinhom biex itellgħu ftit paga bl-overtime jekk kemm-il darba jitħallsu tiegħu.
U ċ-ċirasa fuq il-kejk kien il-fatt li dan kollu seħħ f’perjodu fejn fl-istamperija kien hemm min ingħata struzzjoni biex imur isarraf xi ċekkijiet ladarba jkun indikat li jagħmel dan. Għax inkella kien hemm ir-riskju li dan jaqbeż bħall-kangarù!
Tant fid-Dar Ċentrali huma rrabjati għal Pierre Portelli li kien hemm min ħariġlu l-iskript ta’ Fattigi. Pierre Portelli, li qal li martu qed tagħmillu kollox bi pjaċir għall-PN, anke print out qed jieħu ħsieb li jagħmel mix-xogħol. Kien b’dan il-mod li l-iskript spiċċa għand din il-gazzetta u persuni oħra, bid-dettalji kollha tal-ewwel żewġ episodji qegħdin għandhom.
Interessanti kif fuq l-iskript joħroġ ċar kif dan il-proġett hu mill-bidu sal-aħħar ta’ Pierre Portelli għax kif hemm miktub kienet idea tiegħu. B’hekk Santa Monika nqala’ mhux biss biex daħal proġett li se tipproduċi martu, iżda proġett li xtaq hu. Mhux biex jipprintja biss qed juża r-riżorsi tal-PN iżda biex jiffilmja se juża maħżen li l-Partit għandu f’Santa Luċija. Naturalment bla ħlas!