“Morru iġru warajh għax tani daqqa ta’ sikkina”. Dawn kienu l-ewwel kliem li lissen l-imprenditur magħruf Hugo Chetcuti ta’ tnejn u ħamsin sena minn San Ġiljan malli qala’ żewġ daqqiet ta’ sikkina mingħand Bojan Cmelik raġel Serb ta’ 35 sena li nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati bl-attentat ta’ qtil.
Kien hawnekk għall-ħabta tal-għaxra u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija, meta s-Sur Hugo Chetcuti imprenditur rinomat Malti magħruf fuq kollox għat-tmexxija tiegħu f’diversi stabbilimenti u lukandi ġewwa Paceville kien attakat b’sikkina kbira madwar tmien pulzieri b’riżultat li beda jitlef ħafna demm.
Il-każ irrapportat b’mod esklussiv matul il-lejl minn one.com.mt seħħ waqt okkażjoni ta’ ftuħ ta’ stabiliment ġdid tas-Sur Chetcuti li jinsab fi Triq Santa Rita. Dak il-ħin l-imprenditur flimkien ma’ qrabatu kien qiegħed idur mal-mistednin.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li għal din l-inawgurazzjoni, kien hemm preżenti s-Serb li kien liebes pulit, bi qmis blu u kappell isfar. Qalu li hekk kif lemaħ lil Chetcuti sejjaħlu sabiex imur ħdejh.
Is-Sur Chetcuti li huwa magħruf għall-karisma li għandu u li jkompli ma’ kulħadd mar ħdejn l-aggressur, fejn dan tal-aħħar allegatament sellimlu b’tgħannieqa u f’tebqa’ t’għajn niffdu b’żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku tiegħu.
Mad-daqqiet, Hugo Chetcuti li dak il-ħin kien għadu f’sensih b’ton għoli qal lil ħuh Isaac u lill-uffiċjali tas-sigurtà personali tiegħu biex imorru jiġru wara l-aggressur għax kien qala’ daqqa ta’ sikkina.
Kemm Isaac Chetcuti kif ukoll l-uffiċjali tas-sigurta marru jiġru wara l-aggressur madankollu huwa rnexxielu jiżgiċċalhom minn taħt idejhom.
Rapport minn One.com.mt jispjegaw kif dawk qrib tas-Sur Chetcuti ma stennewx ambulanza iżda ħaduħ b’ħeffa l-isptar. Sorsi qrib il-korp tal-Pulizija spjegaw kif dan seta’ kien fundamentali għaliex il-kundizzjoni tas-Sur Chetcuti setgħet tiggrava.
L-aggressur intlemaħ għall-ewwel darba fit-telgħa tal-Balluta, fejn minn hemm ħarab jiġri lejn Tas-Sliema. Kien hemm ħin fejn żgiċċa lill-pulizija fl-inħawi tal-Exiles madankollu huwa ntlemaħ fi Triq Sant’ Elena f’Tas-Sliema qrib il-‘Lazy Corner”.Dan hekk kif baqa’ liebes bl-istess ħwejjeġ u kappell- li kien liebes malli seħħ il-każ.
L-arrest ma kienx wieħed faċli hekk kif l-aggressur ma kkoperax mal-Pulizija u saħansitra aggredihom u kkawżalhom ġrieħi ħfief. Kien għalhekk li l-Pulizija kellhom jużaw tasers sabiex jikkontrollawh u jrażżnuħ.
Dan l-apparat kellu jintuża fuqu għal darbtejn għax mal-ewwel taser, is-Serb li għandu statura kbira, irnexxielu jaqilgħu minn fuqu u kien għalhekk li l-pulizija reġgħet għamlet tentattiv ieħor li rnexxa.
Waqt it-tfixxija li saret fuq l-aggressur, il-pulizija sabet biss ċwievet kif ukoll pocket li fih kellu merfugħa s-sikkina bil-manku iswed li allegatament intużat fuq Chetucti.
Is-Serb ittiehed id-Depot tal-Floriana wara li ddaħħal l-isptar għal xi ġrieħi li kellu. Wara sigħat ta’ interrogazzjoni li matulhom ma lissinx kelma waħda, huwa tressaq il-qorti mixli b’attentat ta’ qtil ta’ Chetcuti u li ma obdiex l-istruzzjonijiet tal-pulizija. Huwa deher dieħel il-qorti liebes ġagaga bajda b’pass kajman u eskortat minn bosta uffiċjali tal-pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-akkużat reġa’ żamm fommu mitbuq bl-Avukat Ishmael Pace jgħid li l-akkużat mhuwiex ħati għall-akkużi kontrih waqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest. Għas-Sur Hugo Chetcuti deher l-Avukat Dr Joseph Giglio bħala Parte Civile.
Intant sigħat wara li ġie operat, ħu l-vittma, Isaac Chetcuti qal fuq il-media soċjali li l-agħar għal ħuh kien għadda u minkejja li kien għadu qiegħed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei, il-kundizzjoni tiegħu ġiet imfissra bħala stabbli.