Raġel instab mejjet wara li wettaq delitt ippjanat fejn qatel liż-żewġ itfal tiegħu fl-Awstralja.
Il-katavri ta’ tifla ta’ tlettax-il sena u tifel ta’ ħmistax-il sena nstabu fil-kmamar tas-sodda tagħhom f’Sydney il-Ħamis li għadda.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-katavru ta’ missierhom ta’ tmienja u sittin sena nstab f’dar oħra fl-akwati l-għada tad-delitt.
Skont il-Pulizija omm it-tfal ma kienetx id-dar fil-ħin tad-delitt u li kellha tingħata l-kura għax-xokk qawwi li ħadet għal dak li sabet meta waslet id-dar u sabet dik ix-xena krudili tistenniha.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New South Wales esprima solidarjetà mal-omm fejn qal li ma jistax jimmaġina l-istress u weġa’ ta’ qalb li għaddejja minnha bħalissa l-omm taż-żewġt itfal. Żied jgħid li xejn ma jista’ jipprepara lil dak li jkun biex jidħol id-dar u jsib dik ix-xena tistennih u lill-uliedu f’dak l-istt.
Il-Pulizija qalet li l-missier kien involut f’tilwima legali dwar il-kustodja tat-tfal u li ma kienx qed jgħix fl-istess dar mat-tfal. L-awtoritajiet żiedu jgħidu li apparti żewġ armi tan-nar li allegatament intużaw biex sar id-delitt, instabu wkoll provi li jindikaw li missier it-tfal kien ilu jippjana dan l-att krudili.