Huwa ta’ dispjaċir li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, għażel li jwaddab kemm jiflaħ kritika fil-konfront tal-qasam tal-ġustizzja, b’ħafna minnha tkun ibbażata fuq ineżattezzi u saħansitra distorzjoni tal-verità.
Kien dan li qal il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fi stqarrija fejn qal li biżżejjed wieħed isemmi li l-Kap tal-Oppożizzjoni allega li sar tbagħbis ta’ proċess ta’ kumpilazzjoni ta’ traffikar tad-droga din il-ġimgħa, meta dan l-allegat tbagħbis ġie allegat li sar iktar minn sena ilu – fis-27 ta’ April 2017. Kulma kellu jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa li jaqra l-istqarrija għall-istampa li kien ħareġ il-Gvern dakinhar.
Il-Minsiteru spjega kif fl-istqarrija msemmija kien iċċarat li żewġ messaġġiera li jaħdmu l-Qorti kienu qed jiġu investigati mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech wara li rriżulta li għal xi raġuni mhux magħrufa ħbew proċess ta’ kawża kriminali pendenti. L-istqarrija kienet tgħid, fost l-oħrajn, li l-movimenti taż-żewġ messaġġiera ġew maqbuda mis-sistema ta’ sigurtà li hemm il-Qorti u li b’mod immedjat kienu ġew mgħarrfa kemm il-Pulizija kif ukoll il-Maġistrat tal-Għassa, filwaqt li ż-żewġ messaġġiera kienu se jiġu sospiżi skont il-liġi.
Qal kif il-gvern mhux se jikkummenta ulterjorment in vista tal-fatt li ż-żewġ impjegati tal-Qorti ġew formalment akkużati b’reati kriminali, u dan sabiex il-proċess ġudizzjarju jitmexxa b’serenità u b’rispett ukoll lejn id-drittijiet tal-akkużati.
Dwar iż-żewġ kazijiet l-oħra ta’ allegat “misplacing” ta’ eżebiti tal-Qorti, il-Gvern se jkun qed jagħti l-kummenti tiegħu hekk kif tintemm l-inkjesta li qed tikkonduċi l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Kuntrarjament għal dak li qal Dr Delia, din l-inkjesta mhijiex waħda amministrattiva imma hija waħda maġisterjali.
Dwar ir-riformi fil-qasam tal-ġustizzja, il-gvern ifakkar li entitajiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea u l-GRECO qed ifaħħru diversi aspetti tar-riformi li saru u li qed iwasslu għal sistema ta’ ġustizzja aħjar. Fl-istess nifs il-gvern se jkompli għaddej b’iktar riformi sabiex ikomplu jiġu reġistrati iktar żviluppi pożittivi li minnhom igawdi ċ-ċittadin.
Il-Ministeru temm billi qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, minflok indirizza l-inkwiet intern fl-Oppożizzjoni, uża din il-konferenza tal-aħbarijiet biex jipprova jiddevja mill-problemi akuti li għandu fit-tmexxija tal-Oppożizzjoni.