- Tnaqqis ta’ 63 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 bħala parti minn sforzi sabiex tiċċekken l-impronta tal-karbonju
- Il-Malta Airport Foundation sa issa kkommettiet kważi €500,000 għal proġetti li jimmiraw li jtejbu l-prodott turistiku Malti
Fl-2017 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra tnaqqis ta’ 63 tunnellata ta’ CO2 mill-konsum tal-elettriku, wara investiment sinifikanti f’pannelli fotovoltajċi, liftijiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u aktar tidwil LED. Is-sistema fotovoltajka tal-ajruport iġġenerat aktar minn 630,000 kWh ta’ enerġija fl-2017, li huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għall-konsum tal-elettriku medju annwali ta’ 329 persuna f’Malta.
Dan irriżulta mir-rapport dwar is-sostenibbiltà li ġie ppubblikat mill-kumpanija f’konformità mal-istandards tal-Global Reporting Initiative. F’dan ir-rapport, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jippreżenta l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tiegħu u l-mod kif jiġġestixxi dawn l-impatti, b’enfasi fuq dawk li huma materjali għall-partijiet interessati prinċipali tal-ajruport u l-industrija tat-turiżmu lokali.
“Is-sena li għaddiet kellna r-responsabbiltà li niżguraw li numru bla preċedent ta’ passiġġieri jgawdu esperjenza pjaċevoli u sigura fl-ajruport, f’konformità mal-impenn tagħna li nwasslu servizz eċċellenti lill-passiġġieri. Billi aħna impenjati daqstant ieħor li niġġestixxu u nimminimizzaw l-impatt tagħna fuq l-ambjent, ħdimna wkoll sabiex nassorbu l-emissjonijiet li jirriżultaw minn din l-attività miżjuda permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni implimentati matul is-sena,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.
Ir-rapport, fil-fatt, juri li l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra tal-kumpanija, li hija metrika rikonoxxuta li tintuża sabiex jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet, kienet ta’ 1.02 kg ta’ CO2/passiġġier, jiġifieri tnaqqis ta’ 16.2% meta mqabbel mal-2016.
Is-Sur Borg innota li l-Ajruport ta’ Malta ma jippruvax ikun kumpanija aktar responsabbli biss billi jimmonitorja l-impatti ambjentali tiegħu, iżda anki billi jaħdem sabiex jikkontribwixxi għall-ekonomija lokali u sabiex ikun membru validu tal-komunità li fiha jopera u impjegatur tajjeb.
L-isforzi soċjali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-2017 kienu ffukati ħafna fuq il-forza tax-xogħol tal-kumpanija, bl-impjegati jgawdu minn għadd ta’ inizjattivi, maħsubin sabiex jgħinuhom jilħqu bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja, u aktar minn 6,000 siegħa ta’ taħriġ. Barra minn hekk, 13-il student ingħataw l-opportunità li jiksbu esperjenza fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ apprendistati u taħriġ mal-kumpanija.
Matul is-sena, il-kumpanija appoġġjat ukoll organizzazzjonijiet u inizjattivi esterni, li għandhom fil-qalba tal-missjoni tagħhom il-benesseri tas-soċjetà, permezz ta’ investimenti komunitarji li ammontaw għal aktar minn €113,000. Il-Malta Airport Foundation, min-naħa l-oħra, kompliet tiffoka fuq investiment fi proġetti mmirati lejn it-titjib tal-prodott turistiku ta’ Malta, bħar-restawr ta’ Torri Xutu u l-Combined Operations Room fil-belt Valletta, kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumentarju dwar Kemmuna li ser jitnieda aktar tard din is-sena. Sa issa, din il-fondazzjoni indipendenti kkommettiet mal-€500,000 għal tali proġetti.