L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ għandu lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, fejn ppreżentalu rapport dwar x’azzjonijiet ittieħdu mill-Gvern sabiex jiġu indirizzati numru ta’ kwistjonijiet li ġew msemmija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fl-2016.
Waqt din il-preżentazzjoni ġie spjegat kif flimkien ma’ pubblikazzjonijiet oħra dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget, dan ir-rapport jifforma parti minn serje ta’ inizjattivi li jagħtu rendikont u sodisfazzjon lill-pubbliku dwar materji li huma direttament relatati ma’ kwistjonijiet ta’ governanza. Ġie nnotat ukoll kif dawn l-istess inizjattivi qed iservu wkoll biex jilqgħu għal bidla fil-mentalità u l-kultura tal-pubbliku Malti fejn qed togħla l-aspettattiva għal tmexxija aktar kontabbli. F’dan ir-rigward, għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet jibqgħu jieħdu l-miżuri neċessarji u jkollhom pjanijiet stabbiliti ta’ azzjoni sabiex jaraw li r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur jiġu fil-fatt implimentati.
Is-Sur Mario Cutajar stqarr li din hija t-tielet pubblikazzjoni tax-xorti tagħha, li tagħti tweġiba għar-rapporti annwali tal-Awditur Ġenerali. Ġie nnutat ukoll il-fatt li tul dawn l-aħħar tliet snin l-Amministrazzjoni Pubblika implimentat aktar minn 600 rakkomandazzjoni tal-Awditur Ġenerali. Il-perċentwal ta’ rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati għas-sena li tkopri din il-pubblikazzjoni, jiġifieri l-2016, huwa ta’ 80%.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti (Strateġija u Implimentazzjoni) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sa Joyce Dimech kif ukoll mill-Head (Projects Implementation), is-Sur Carlos Tabone, fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
L-Ispeaker Farrugia rringrazzja lis-Sur Cutajar u infurmah li kien se jkun qed iqiegħed dan ir-rapport fuq il-mejda tal-Kamra fis-Seduta Parlamentari tal-Erbgħa.