Mara li isimha mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti rrakuntat il-martirju sħiħ li għaddiet minnu wara li s-sieħeb tagħha kien allegatament isawwatha, jheddida b’ħajjitha u saħansitra jħaddimha bħala prostituta.
Fil-Qorti l-mara xehdet kontra Ans Abdulla Algheziw, Libjan ta’ 31 sena li qed jiffaċja diversi akkużi.
Il-mara spjegat kif hija ltaqgħet mal-Libjan wara li bdiet tkellmu fuq l-internet u ftit wara marret tgħix miegħu f’San Pawl il-Baħar u aktar tard fil-Qawra. Hija sostniet li l-Libjan kellu problema kbira tax-xorb u meta kien jisker kien jinfexx fiha u jsawwatha.
Saħansitra kien jitlobha l-flus u dawn ġabithom m’għand binha li jgħix barra minn Malta. Biex ikompli jsostni l-vizzju tax-xorb tiegħu, l-Libjan spiċċa jħaddimha ta’ prostituta u saħasnitra kien juża t-telefon ċellulari tagħha biex isibilha l-klijenti.
Il-mara sostniet li darba rrapurtatu mal-pulizija li kien isawwatha iżda imbagħad waqqgħet l-akkużi għax kienet tibża’ minnu, filwaqt li spjegat kif dak iż-żmien hija kienet qed tiġi segwita minn nies mhux magħrufa u li dawn heddewha b’ħajjitha, anki permezz ta’ sikkina, biex twaqqa’ l-akkużi kontra l-Libjan.
Qalet ukoll li hija kienet bħal priġuniera mas-sieħeb Libjan u spiċċat tilfet xogħolha minħabba li ma kinitx tersaq fuq il-post tax-xogħol minħabba li bis-swat li kienet taqla’, wiċċha ma kienx ikun jingħaraf.
Fil-Qorti l-mara spjegat ukoll li darba minnhom, il-Libjan talabha tmur għand persuna biex itiha xi flus u spiċċa li l-istess Libjan daħal għal dan ir-raġel u heddu b’sikkina.
Xħin qamet kommossjoni sħiħa u kien hemm diversi nies isaqsu x’ġara, il-Libjan allegatament ġiegħel lil mara tigdeb u qalilha biex tgħid li dan ir-raġel kien stupraha.
Fil-Qorti l-Libjan ma talabx għal ħelsien mill-arrest. Għalih deher Martin Fenech filwaqt li parte civile għal vittma dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija minn l-Ispetturi Roxanne Tabona, Roderick Attard u Joseph Busuttil.