Raġel ta’ ħamsa u ħamsin sena minn Santa Venera ġie ordnat li jattendi għal kura psikjatrika wara li attakka uffiċjali tal- pulizija meta marru għandu biex jkellmuh dwar rapport mressaq minn xi ġirien dwaru.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit Mark Privitera kien akkużat bi vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi, li nsulta l-pulizija, li darab b’mod ħafif żewġ uffiċjali tal-pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li m’obdiex ordnijiet tal-pulzija li hedded u ffastidja żewġ ġirien, li kellu arma tan-nar mingħajr permess u li kkawża ħsara fuq propjetà.
L-avukat tal-akkużat Jason Grima qal lil Qorti li l-klijent tiegħu kien iffaċjat bil-pulizija wara l-bieb u li dan talab biex jara l-mandat u l-karti tal-identità tal-Pulizija peress li ma kienx qed jemmen li n-nies li kienu wara l-bieb kienu pulizija. L-avukat spjega li l-klijent tiegħu għandu evidenza li se juri f’każ ieħor u li qed jibża li din tinsteraq.
L-akkużat ikkontesta l-arrest abbażi li l-Pulizija għandha bżonn mandat biex tkun tista tfittex fi propjetà. Madanakollu, l-Ispettur Robert Vella li kien il-prosekutur flimkien ma’ Elliott Magro u Wayne Camilleri qal li kull ma riedu kien biss li jkellmu lil akkużat.
L-ispettur kompla jgħid li l-inċident beda’ meta żewġ ġirien irrapurtawh ħabba fastidju li kien ilu għaddej diversi xhur. Meta l-ispettur Spiridione Zammit mar biex ikellmu, dan attakkah u lil pulizija li kienu miegħu.
Il-Qorti laqgħat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ tmien t’elef ewro u ġie ordnat li ma jkellimx xhieda tal-prosekuzzjoni, li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa. Huwa tpoġġa taħt ordni ta’ trattament psikjatriku.