L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma ħarġet tliet sejħiet għall-offerti għall-istudji meħtieġa biex jinksibu l-permessi għall-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Delimara.
Dan wara li fl-aħħar xhur il-Gvern issottometta l-applikazzjonijiet għall-permessi fl-Italja u Malta.
Il-pipeline tal-gass se jgħaqqad lil pajjiżna man-Netwerk Trans-Ewropew tal-gass.
L-ewwel tender ħareġ f’Ġunju bil-għan li jintgħażel kuntrattur li għandu jagħmel stħarriġ marittimu tar-rotta kollha tal-baħar b’tul ta’ madwar 151 kilometru.
Fl-aħħar ta’ Ġunju ħarġu żewġ tenders oħra biex isiru l-istudji ambjentali u d-disinn tal-inġinerija.
L-istudji kollha huma ko-finanzjati b’rata ta’ ħamsin fil-mija taħt l-inizjattiva ta’ finanzjament bl-isem Connecting Europe Facility.
Il-pipeline tal-gass li mistenni jkun wiesa’ ftit aktar min-nofs metru se jieħu post it-tanker tal-ħażna tal-gass LNG li jinsab sorġut temporanjament f’Marsaxlokk.