Matul din is-sena, wieħed mill-iktar films li qajjem entusjażmu fost miljuni ta’ nies madwar id-dinja kien ‘The Greatest Showman’. Film li jittratta ġrajja reali li tirrakkonta kif beda jieħu l-popolarità ċ-ċirku li nafu bih illum.
Ħafna kritiċi qalu li s-suċċess ta’ dan il-film-musical huwa wkoll mertu għall-kanzunetti mill-isbaħ li nisimgħu tul l-istorja li saħħru lil kulħadd, fosthom il-kanzunetta ‘NEVER ENOUGH’. Diversi artisti madwar id-dinja niedew filmati tagħhom ikantaw xi waħda mill-kazunetti ta’ dan il-film.
Dan l-aħħar il-kantawtur Kurt Anthony, li bħalissa qiegħed jikkuntesta f’The X Factor UK , flimkien mal-kantanta tal-Alternative Rock Band ‘MilkMi’, Band li kisbet diversi suċċessi tul dawn l-aħħar snin, ingħaqdu flimkien biex jagħtu l-interpretazzjoni tagħhom ta’ ‘NEVER ENOUGH’.
Wara biss ftit sigħat li ħareġ il-muntaġġ tal-kanzunetta, il-filmat inlaqa’ b’mod pożittiv ħafna tant li rawh ammont sostanzjali ta’ segwaċi fuq Facebook u fuq diversi siti tal-mezzi soċjali.
Dawn iż-żewġ kantanti li ġejjin minn dinja differenti fejn tidħol il-mużika, beħsiebhom jagħtu iktar mużika lis-segwaċi tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin.
”Il-messaġġ tal-kanzunetta huwa wieħed emozzjonanli għall-aħħar. Ifisser il-ħolm li jżommok ħaj, l-imħabba, il-mużika.. kollox u kulma hu sabiħ u jgħinek titbissem…Dawk kollha qatt m’huma biżżejjed.. Kanzunetta li fiha messaġġ qawwi, uman u profond immens. Ħassejna l-kliem mill-ewwel u kien unur għalina li kantajniha mill-qalb flimkien,” qalu Maria Luana u Kurt Anthony.