Il-Partit Nazzjonalista spiċċa ma jitlifx okkażjoni waħda biex jilmenta. Dan mingħajr ma jkun kapaċi jagħmel proposta waħda dwar dak li jkun qed jitkellem dwaru. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Il-PL spjega kif dak ta’ Adrian Delia spiċċa partit li mal-inqas aħbar f’ġurnal isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet jew jitkellem il-Kap biex jgħidu li l-gvern m’għandux pjan. Is-sabiħa hi li l-verità hi li bi pjan il-gvern qed isolvi l-problemi tan-nuqqas ta’ pjan fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Sostna li l-aħħar okkażjoni li l-Partit Nazzjonalista jħoss li jista’ jirkeb fuqha hi dik dwar in-numru ta’ infermiera li għandu bżonn pajjiżna. Jekk wieħed jagħmel analiżi sewwa tal-affarijiet jintebaħ mill-ewwel li lllum il-gvern qed isewwi l-ħsara li saret meta kien hawn min fil-PN ħaseb li għandna infermiera biżejjed u llimita n-numru ta’ studenti li jidħlu fil-kors ta’ infermiera fl-Università. Politika li llum inbidlet. Iktar minn hekk illum infetħet skola ġdida għall-infermiera ma’ Steward Healthcare u l-MCAST. Skola li għall-PN ma teżistiex għax lil Steward Healthcare irid jitfagħhom ‘il barra.
L-istqarrija temmet tgħid li l-attitudni tal-PN hi waħda ta’ partit populist li jitkellem ħafna iżda mbagħad m’għandux imqar proposta ġdida. Dan wara ħames snin fl-oppożizzjoni suppost iħejji biex imexxi l-pajjiż.