Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret riforma fis-servizz tal-Meals on Wheelsf’Għawdex. Il-Meals on Wheels hu servizz offrut mill-Uffiċċju għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u min japplika jiġi offrut ikla li tikkonsisti f’żewġ platti u f’deżerta darba kuljum jew fil-ġranet li jkun jixtieq għall-prezz ta’ żewġ ewro u tlieta u tletin ċenteżmu għal kull ikla li jitħallsu lix-xufier darba fil-ġimgħa. Huma intitolati għal dan is-servizz dawk li għalqu sittin sena jew persuni bi bżonnijiet speċjali li jippreżentaw kopja tal-ispecial ID card kif maħruġa mill-KDPD.
Il-Ministru qalet li ġew introdotti prassi ġodda fil-proċessar, fl-ippakkjar u fit-tqassim tal-ikel biex jiġi żgurat li l-anzjani li jirrikorru għal dan is-servizz jingħataw l-aħjar prodott possibbli billi jiġu assigurati titjib fil-kwalità tal-ikel u s-saħħa u s-sigurtà tal-klijenti.
Tfassal ukoll menu mill-esperti biex inkopru kull esiġenza tal-klijenti kif ukoll kundizzjonijiet kroniċi li jiddeterminaw x’tip ta’ ikel jista’ u għandu jiġi pprovdut lil klijenti partikolari, u allura menu b’kontenut lactose free, gluten free kif ukoll dak għad-diabetiċi.
Dr Caruana żiedet li permezz ta’ din ir-riforma se nilħqu l-istandards applikabbli għas-servizz u fakkret li waħda mill-miri tal-gvern hi li l-anzjani, sa fejn possibbli, jibqgħu attivi u jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità.
Il-Ministru rringrazzjat lill-għaqda mhux governattiva Friends of the Sick and the Elderly li fl-aħħar snin ipprovdew dan is-servizz.