L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, tilef appell fil-qorti kontra l-Partit Laburista u l-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat.
Simon Busuttil kien qed jappella minn sentenza li tat l-ewwel qorti li sabet li stqarrija tal-Partit Laburista fil-każ ta’ meta x-xufier tiegħu kien investigat b’rabta ma’ tbagħbis fil-fuel tal-karozza tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni ma kinetx libelluża.
Dakinhar il-Partit Laburista kien ħareġ stqarrija bbażata fuq il-fatti li kienu ħarġu fil-pubbliku. Iżda, Simon Busuttil ħa għalih u saħansitra fetaħ libell.
Wara li semgħet il-provi l-qorti tal-Maġistrati kienet qalet li “l-Qorti tqis li ma kien hemm xejn malafamanti fil-kontenut tal-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista fis-sebgħa ta’ Diċembru 2015 peress illi kien ibbażat fuq fatti li dak iż-żmien, kienu sostanzjalment korretti u dak hemm kontenut kellu jitqies bħala kummenti politku b’kummenti ġusti għalkemm iebsin.”
Fil-konklużjoni tagħha din id-darba għall-appell ta’ Simon Busuttil, il-Qorti reġgħet qalet li f’dik il-kariga Busuttil kellu jistenna li jkun hemm kritika mill-avversarju.
“Min jokkupa kariga bħal dik għandu bilfors jittollera livell ta’ kritika li jkun iktar iebes,” qalet il-Qorti tal-Appell li żiedet li l-liġi ta’ malafama għandha sservi biex tipproteġi lill-persuna kontra dikjrazzjonijiet foloz.
Fl-analiżi tagħha tal-fatti l-Qorti nnotat li kemm-il darba l-Partit Laburista qal fl-istqarrija tiegħu li Busuttil kellu jġorr ir-responsabbiltà politika bil-kejl tiegħu u ma kienx hemm dikjarazzjonijiet foloz.