Bosta joħolmu fuq l-irtirar iżda ftit jippjanaw gradwazzjoni propju wara li jitilqu mix-xogħol. John Ambrogio rnexxielu jtemm kors tal-livell Masters dwar l-Arti u l-Arti Diġitali. Dan wara li bbenefika minn wieħed mis-sitt mija u għoxrin borża ta’ studju li ngħataw s’issa bħala parti mill-iskema ‘Endeavour’.
Ambrogio saħaq li ħadd m’għandu jħares lejn il-ħajja daqs li kienu tintemm mal-mument li jirtira mix-xoghol. Huwa appella biex meta joħorġu dawn il-boroż ta’ studju wieħed jara jekk hemmx kors li jolqtu u ma jaqtax qalbu jistudja anke jekk ikun daħal sew fiż-żmien.
Ambrogio qal li “Illum l-irtirar ma jfissirx illi inti trid tieqaf. Illum l-importanti, inħeġġeġ lil kulħadd illi dawn il-, l-iscolarships jindagahom meta joħorġu u jara jekk hemmx materja illi hu f’ħajtu jew hi f’ħajjitha tkun kattret u tkun ġabret ċertu informazzjoni, biex tidħol għalihom u ma’ taqtax qalbha jew ma jaqtax qalbu li jmur iqatta’ sentejn, tlieta, jagħmilha ma’ nies kapaċi ħafna, jagħmilha ma’ professuri veri bravi.”
L-iskema Endeavour toffri boroż ta’ studju għalll-studju fil-livell terzjarju u għalhekk huma tajbin kemm għal min għadu fid-dinja tax-xogħol u jaspira li jikkontribwixxi għal-ekonomija b’mod iktar b’saħħtu, kif ukoll għal min għadu jixtieq jilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ ħajtu.
Is-Sur Ambrogio kien wieħed minn tlett benefiċċjarji tal-iskema li ltaqgħu mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia biex mhux biss jaqsmu l-kisbiet li għamlu iżda wkoll juru fejn għad hemm diffikultajiet fl-iskema biex jinkiseb dan l-appoġġ.
Aaron Farrugia qal li “Dawn għalija huma sitt mija u għoxrin opportunità ġdida, lil studenti ta’ kull età, kif għidt diġa qabel li mingħajr dawn il-fondi wisq probabli ma kienux jieħdu dawn l-inizjattivi li jistudjaw barra minn Malta, li jkomplu jistudjaw fuq livell terzjarju mill-att akkademiku. U allura, jiena għalija dawn l-opportunitajiet iwasslu biex ikunu gamechangers fil-ħajja ta’ dawn in-nies.”