12:00: Il-Maġistrat ta ċertu kundizzjonijiet lill-akkużat fosthom il-kaptan ġie mitlub jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità. Garanzija personali ta’ €10,000. Irid jiffirma fl-għassa ta’ Bormla kull nhar ta’ ġimgħa bejn it-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija.
Apparti minn hekk il-kaptan irid jidher għal kull seduta. Is-seduta li jmiss ġiet aġġornata għal 5 ta’ Lulju fil-11:30 ta’ filgħodu.
Għall-Kaptan dehru l-avukati Neil falzon, Gianluca Caprita u Cedric Mifsud.
11:56: Il-prosekuzzjoni talbet sabiex jinħatar espert marittimu u jagħmel survey komplut tal-vapur. Bl-espert maħtur huwa Pierre Zammit Endrich. Jassistih hemm l-espert tal-IT Martin Bajada.
11:50: Il-Magistrat Joe Mifsud qal li fid-deċiżjoni tiegħu se jimxi skont il-provi li jiġu ppreżentati fil-Qorti u mhux se jidħol fi kwistjonijiet politiċi.
Aktar Qabel: Għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu, il-Kaptan Ġermaniż tal-bastiment MV Lifeline mistenni jitressaq il-Qorti mixli b’għadd ta’ akkużi.
Claus Peter Reisch, ta’ 57 sena minn Munich wasal il-qorti għall-ħabta tal-10.00 a.m. akkumpanjat mill-membri tal-ekwipaġġ.
Is-Sibt li għadda, il-kaptan ingħata l-police bail bil-kundizzjoni li ma jinżilx minn fuq il-bastiment. Fl-istess ħin il-bastiment jinsab maqbud u ma jistax iħalli Malta għax l-operat tiegħu qed ikun investigat mill-awtoritajiet Maltin.
One.com.mt jinsab informat li l-kaptan mistenni jiġi mixli li uża l-vapur Lifeline meta ma kienx irreġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għal Bastiment Żgħar. Huwa se jiġi mixli wkoll li uża l-bastiment fl-ibħra territorjali ta’ Malta meta ma’ kellhiex il-liċenzja ta’ Transport Malta.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud mistennija tintalab ukol li l-vapur jiġi ssekwestrat mill-awtoritajiet Maltin sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ.
Dan kollu seħħ wara li fl-aħħar jiem l-MV Lifeline injora l-ordnijiet tal-Gvern Taljan li l-gwardji tal-kosta Libjana jmorru għal iktar minn 200 immigrant li kienu fiż-żona Libjana ta’ tiftix u salvtaġġ.
Minflok dan il-bastiment mar u għabba l-immigranti biex eventwalment il-każ żviluppa f’wieħed ikkumplikat u biex l-affarijiet jikkumplikaw iktar irwieħhom tul l-investigazzjonijiet sar magħruf li l-bastiment għandu problem bir-reġistrazzjoni tiegħu.
L-għemil tal-kaptan wassal għal kriżi li seta’ kellha konsegwenzi ferm iktar koroh li kieku ma kienx hemm intervent diplomatiku f’waqtu tal-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat. Dan l-intervent wassal biex disa’ pajjiżi għażlu li jieħdu numru mill-immigranti li għandhom dritt għall-ażil.