Bil-logħob tal-EURO 2016 jibda llejla, one.com.mt se jkun qiegħed jagħti ħarsa lejn it-timijiet li jidħlu fl-azzjoni. Dan b’dettalji dwar kull grupp ma’ kull jum li jibda l-logħob mill-istess grupp. Hekk kif illejla tintlagħab il-logħba bejn Franza u r-Rumanija, dawn huwa l-isfond tat-timijiet li se jieħdu sehem fi grupp A.
Franza se tkun qed tospita l-kampjonat tal-Euro għat-tielet darba, u għaldaqstant, ma kellix bżonn tilgħab logħob ta’ kwalifikazzjoni. Fid-dawl li se tkun qed tilgħab f’darha u hija kkunsidratha bħala wieħed mill-ikbar teamijiet Ewropej, Franza tista titqies bħala waħda mill-favoriti għar-rebħ ta’ dan il-kampjonat.
It-team Franċiż huwa magħmul minn varjeta ta’ plejers ta’ ċertu esperjenza mħallta ma’ oħrajn żgħar u promettenti, bħal Raphael Varane, Paul Pogba, Yohan Cabaye, Antoine Griezmann, Olivier Giroud u Anthony Martial.
L-aħħar impenn għat-team Franċiż f’kampjonat internazzjonali kien dak tal-2014 fil-World Cup, fejn filwaqt li kienu rebħu l-grupp, inqalgħu fil-Kwarti tal-Finali meta tilfu 1-0 kontra l-Ġermanja, bil-gowl ikun skurjat minn Mats Hummels.
Bħala l-pajjiż li qed jospita l-kampjonat ta’ din is-sena, Franza se jkunu qed jilgħabu l-ewwel partita tal-Euro 2016 kontra r-Rumanija f’Stade de France, l-istess grawnd li fih se tintlagħab il-finali.
Ir-Rumanija għaddiet għall-Euro 2016 wara li fil-grupp tal-kwalifikazzjoni spiċċaw fit-tieni post, punt taħt l-Irlanda ta’ Fuq. Interessanti l-fatt li dan il-pajjiż ma sofra l-ebda telfa fl-istess grupp. Dan filwaqt li kien l-iktar team bl-aħjar difiża, hekk kif qala biss żewġ gowls f’żewġ logħbiet li spiċċaw fi dro ta’ 1-1: kontra l-Ungerija u kontra l-Finlandja.
Meta wieħed jagħti ħarsa ħafifa lejn il-plejers Rumeni, faċli tinduna li l-maġġoranza tagħhom ma jilgħabux ma’ teamijiet kbar, b’ħafna minnhom ibbażati fir-Rumanija. Forsi l-iktar tliet plejers li wieħed jista jirrelata huma l-gowlers Ciprian Tătărușanu u Costel Pantilimon, li jilgħabu ma’ Fiorentina u Watford rispettivament, u l-captain Vlad Chiricheș, li jilgħab ma’ Napoli.
L-aħħar kampjonat tal-Euro li r-Rumanija kwalifikat għalih kien tal-2008 li sar fl-Awstrija u l-Isvizzera. Dik is-sena, huma kienu ġew fi grupp kemmxejn diffiċli hekk kif magħhom kien hemm l-Olanda, l-Italja u Franza. B’żewġ dros u telfa, ir-Rumanija sfat eliminata flimkien ma’ Franza.
L-Albanja hija waħda mill-ħames pajjiżi li kwalifikaw għall-ewwel darba għall-kampjonat tal-Euro. Dan il-pajjiż ukoll spiċċa fit-tieni post fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Grupp li kien jikkonsisti mill-Portugall, li rebħu l-grupp, Danimarka, Serbja u Armenja.
Logħba partikolari f’dan il-grupp kienet bejn is-Serbja u l-Albanija. Dakinhar ittajjar drone fil-grawnd li kellu bandiera favur l-Albanija. Xi ħaġa li ma niżlitx għasel mal-partitarji Serbi, li nvadew il-grawnd u attakkaw il-plejers tal-Albanija. Id-deċiżjoni finali mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport kienet rebħa ta’ 3-0 għall-Albanija u tliet punti mnaqqsa lis-Serbja.
Il-plejers fit-team nazzjonali Alban jilgħabu f’diversi teamijiet varji, bil-maġġoranza tagħhom fl-Ewropa. Fost dawn hemm Etrit Berisha ta’ Lazio, Lorik Cana u Ermir Lenjani ta’ Nantes, Mërgim Mavraj ta’ FC Koln u Elseid Hysaj ta’ Napoli.
Kif diġa rajna, f’kampjonati Ewropej, il-pajjiż qatt ma kwalifika jew ipparteċipa, u daqstant ieħor fit-Tazza tad-Dinja.
Dak tal-Isvizzera huwa tim ieħor. Teskludi Franza, dan il-grupp huwa ffurmat minn pajjiżi li spiċċaw fit-tieni post fil-grupp tal-kwalifikazzjoni rispettivi tagħhom. Dan hekk kif anke l-Isvizzera kienu t-tieni l-aħjar pajjiż fi grupp E, disa’ punti inqas mir-rebbieħa tal-grupp l-Ingilterra.
Waqt il-kwalifikazzjoni, huma ma kellhom l-ebda dro, filwaqt li kellhom it-tieni l-aħjar attakk, difiża u differenza fil-gowls. Dan dejjem wara l-Ingilterra. Apparti minn hekk, l-Isvizzera rreġistrat l-ikbar rebħa fil-grupp: dik ta’ 7-0 kontra San Marino.
Fost l-iktar ismijiet popolari fit-team Svizzeru hemm Stephan Lichsteiner ta’ Juventus, Valon Behrami ta’ Watford, Xherdan Shaqiri ta’ Stoke City u Gökhan Inler ta’ Leicester City.
L-aħħar impenn f’kampjonat internazzjonali għall-Isvizzera kien fil-World Cup tal-2014. Dakinhar, il-pajjiż kien wasal sar-rawnd tal-aħħar sittax, fejn kien eliminat mill-Arġentina fil-ħin barrani.