Heritage Malta u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) qegħdin jagħtu opportunitá lill-istudenti li jattendu fil-kors tal-Advanced Diploma in Cultural Heritage Skills jikbsu esperjenza ta’ xogħol bħala parti mill-iskema tal-apprentistat.
Din il-kollaborazzjoni tifforma parti minn ftehim bejn iż-żewġ entitajiet bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejniethom kif ukoll biex issaħħaħ l-għarfien tal-istudent fil-wirt kulturali.
Il-kors tal-Advanced Diploma in Cultural Heritage Skills offrut mill-Istitut tal-Arti Kreattiva fi ħdan l-MCAST jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet fis-settur tal-wirt kulturali. Skond is-suġġett magħżul, l-istudent jikseb għarfien, ħiliet u kompetenzi biex jikkollabora ma’ professjonisti fil-qasam kulturali. La darba jiggradwaw l-istudenti jsibu impjieg fil-qasam kulturali bħala l-persuni ewlenin fil-ħarsien tal-wirt kulturali.
L-istudenti kollha tal-MCAST li qegħdin jattendi l-kors tal-Advanced Diploma in Cultural Heritage Skills qed jattendu l-apprentistat tagħhom ma’ Heritage Malta u qegħdin jiksbu l-esperjenza neċessarja biex jikkumplimentaw l-istudji tagħhom fl-MCAST. Din il-kollaborazzjoni qegħda ssaħħaħ il-ħiliet fil-qasam kulturali, rwol li ilu nieqes f’dan il-qasam.
Kull sena l-Istitut għall-Arti Kreattiva jirrikonoxxi l-kisbiet tal-istudenti permezz ta’ ċelebrazzjoni li tinkludi d-dipartimenti kollha. Din is-sena ċ-ċelebrazzjoni se ssir fil-Belt Valletta għall-fatt li l-belt kapitali tagħna hija rikonoxxuta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Ta’ relevanza wkoll huwa l-fatt li din is-sena qegħda tiġi ċċelebrata s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.