Sena wara sena, Tazza tad-Dinja, wara Tazza tad-Dinja, qed naraw it-teknoloġija tidħol dejjem iktar fil-logħba tal-futbol.
L-ewwel it-teknoloġija tal-goal line, jiġifieri meta l-ballun kollu jaqbeż il-linja u jsir gowl, dan jimmarka fuq l-arloġġ tar-referee.
Issa mess li tiddebutta fit-Tazza tad-Dinja l-Video Assistant Referee, jew kif qed jirreferu għaliha, il-VAR, li tagħti l-faċilità lir-referee li jerġa’ jara xi azzjoni, li jaf sar xi żball fiha.
Issa li ntemmet l-ewwel fażi, dik tal-gruppi, li matulha ntlagħbu tmienja u erbgħin partita, il-FIFA qalet li f’dawn il-partiti ġew iċċekkjati tliet mija, ħamsa u tletin inċident mill-Video Operating Room.
Meta dawn ir-referees jaraw li jista’ jkun hemm xi żball fid-deċiżjoni li jkun ħa r-referee fil-grawnd, ikellmu lir-referee biex iwaqqaf il-partita u dan imur jiċċekkja t-televixin. Xi ħaġa, li s’issa fit-Tazza tad-Dinja rajniha sseħħ sbatax-il darba. B’erbatax-il okkażjoni tara lir-referee jdawwar id-deċiżjoni inizjali tiegħu, u tlieta oħra jikkonfermaw id-deċiżjoni li jkun ħa.
Tkellimna mad-Direttur tar-Refereeing ta’ Malta, Kevin Azzopardi, li qal ċar u tond li s-sistema, ħobbha jew obgħodha, qed toħloq iktar ġustizzja mat-timijiet.
Nemmen li l-użu tal-VAR kellu ħafna iktar elementi pożittivi, minn dawk inqas pożittivi.. naħseb li mill-episodji li rajna żgur wasslu lill-pubbliku sportiv biex japrezza li din hija sistema li qed twassal għal iktar ġustizzja sportiva.
Dwar affarjiet li hemm bżonn li l-VAR tirranġa, Kevin Azzopardi jgħid li hemm bżonn li jkun hemm konsistenza – jiġifieri jekk episodju ġie ċċekkjat, episodju simili jrid ikun iċċekkjat ukoll.
Mistoqsi kif taħdem, Azzopardi spjega li il-VAR tidħol biss fejn ikun hemm azzjoni ta’ gowl, ta’ foul fil-kaxxa l-kbira li jirriżulta f’penalty, u f’azzjoni ta’ karta ħamra.
Spjega li r-referee jieħu d-deċiżjoni li jrid, u l-logħba tkun qed tiġi ċċekkjata minn referees oħra li jkunu f’kamra barra l-istadium.
Mistoqsi jekk jaħsibx li l-VAR tista’ tidħol f’pajjiżna, qal li l-assoċċjazzjoni Maltija diġà semmgħet leħinha quddiem il-FIFA, biex titlob għajnuna finanzjarja jekk din tasal biex tiddaħħal f’pajjiżna.
Naħseb li pajjiżna, illi bħal kull ħaġa oħra, pajjiżna żgur qatt ma beża’ minn riformi, dejjem kien lest li jbiddel fejn hemm bżonn.. u nemmen li fis-snin li ġejjin se naraw din is-sistema introdotta f’pajjiżna.
Sa’ issa rajna għadd ta’ deċiżjonijiet, li għenu, jew kissru, lil xi timijiet. Fost dawk li gawdew hemm it-tim Spanjol, li wara li tħassrilhom gowl fl-aħħar minuta minħabba pożizzjoni ta’ offside, il-VAR ikkonferma li fil-fatt, il-plejer ma kien f’pożizzjoni regolari. Episodju li grazzi għalih, jinsabu mal-aħħar sittax fit-Tazza tad-Dinja.