Huwa ironiku li l-Oppożizzjoni tagħmel stqarrija negattiva fuq il-Gvern dwar l-immigrazzjoni fi tmiem ġimgħa fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa rwol ta’ tmexxija fuq livell Ewropew u wasal biex iqassam il-piż ta’ immigranti li kienu ġejjin Malta bejn tmien pajjiżi Ewropej u ieħor barra l-Ewropa. Qal dan il-Partit Laburista fejn fi stqarrija ġie sostnut li din hi xi ħaġa li l-ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma rnexxielu jagħmel.
Il-PL spjega kif jidher li l-kelliema tal-Oppożizzjoni qas fehmu x’ġara fi Brussel waqt il-Kunsill Ewropew. Fuq livell Ewropew filfatt l-affarijiet ftit li xejn tbiddlu ħlief għal proposta konkreta li ressqet Malta fl-interess nazzjonali, fl-interess tal-pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Mediterran u b’rispett lejn il-sigurta’ tal-persuni fuq il-baħar. B’din il-proposta l-coastguard Libjana se tkun qed titħalla taħdem skont liġijiet internazzjonali mingħajr xkiel.
L-istqarrija tgħid li sfortunatament, l-Oppożizzjoni qed terġa’ timxi fit-triq fejn minflok tikkritka fejn għandha tikkritika b’mod kostruttiv, sempliċimenti topponi biex tkun opponiet lill-Gvern anke fuq qasam fejn l-interess nazzjonali jiġi qabel l-interessi partiġġjani.