Intant fi żvilupp ieħor, il-Gvern ħabbar permezz ta’ stqarrija li Malta trid tassigura li operazzjonijiet li jsiru minn entitajiet li jużaw is-servizzi tal-portijiet u li joperaw fl-akwati responsabbli Maltin, iridu jkunu konformi mal-liġijiet nazzjonali u internazzjonali. Din tinkludi wkoll iċ-ċertifikazzjoni u r-reġistazzjoni tal-vapuri nvoluti.
Ġaladarba qed isiru investigazzjonijiet minn awtoritajiet indipendenti u qabel dawn ikunu kkjarifikati, Malta ma tistax tħalli entitajiet u għaqdiet mhux governattivi, bi strutturi simili għal dawk suġġetti għall-investigazzjonijiet bħalissa, biex jagħmlu użu minn pajjiżna u l-portijiet ta’ Malta; la b’mod li joħorġu jew jidħlu fil-port.
Dan sakemm ikun iċċarat l-iskop ta’ dawn l-entitajiet u biex bl-ebda mod l-awtoritajiet Maltin ma jkunu qed japprovaw sistemi ta’ operazzjonijiet li jistgħu eventwalment jiksru liġijiet tagħhom stess u dawk internazzjonali.