L-MPE Marlene Mizzi appellat biex jittieħdu miżuri aktar b’saħħithom minn pjattaformi online bħalma huma Google, Youtube u Facebook, biex jitneħħew filmati u kontenut diġitali illegali li għandhom fil-mira tagħhom tfal – billi jintużaw il-karattri tal-cartoons favoriti tagħhom f’kuntest ta’ vjolenza jew mewt.
“Huwa inkwetanti ħafna li l-filmati li suppost huma għat-tfal qegħdin ikunu ta’ ħmar il-lejl għall-ġenituri. Dawn il-videos moqżieża, magħmulin u mxerrdin minn persuni u għal skopijiet mhux magħrufa, qed jaslu għand it-tfal billi jixxandar kontenut diġitali falz u illegali fuq l-internet,” qalet l-MPE Mizzi f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew.
Fil-ħidma tagħha l-MPE Mizzi dejjem saħqet dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-data online, tal-konsumatur u taċ-ċittadini kollha. Huwa proprju minħabba f’hekk li riċentement Marlene Mizzi ġiet appuntata bħala kelliema għal S&D fuq il-kumitat IMCO dwar il-proposta tal-Kummissjoni ta’ kif għandu jiġi ttrattat il-kontenut diġitali illegali online.
Matul id-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew, Mizzi tkellmet favur miżuri li jegħlbu l-kontenut illegali online, il-kontenut terroristiku, materjal pornografiku tat-tfal, kliem ta’ mibegħda u ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. B’mod partikolari hija tkellmet dwar materjal li jinsab online u li jista’ jaffettwa lill-iżgħar konsumaturi tal-internet.
L-MPE Mizzi indirizzat lill-istakeholders preżenti fis-seduta pubblika biex jaħdmu flimkien bl-għan li joħolqu ambjent sigur għall-konsumaturi kollha, b’mod partikolari għat-tfal. “L-awto-regolamentazzjoni u t-t-tneħħija tal-kontenut diġitali bit-termini tat-tfittxija u l-accounts ipprojbiti mhumiex se jsolvu l-problemi kkumplikati tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, ta’ algoritmi mhux trasparenti u ta’ inċentivi monetarji permezz ta’ reklami fuq pjattaformi li ma jkunux mgħassa u sorveljati b’mod xieraq. Hemm bżonn li jittieħdu miżuri aktar speċifiċi u armonizzati fuq livell Ewropew.”
Fl-indirizz tagħha l-MPE Mizzi kompliet tisħaq li l-mekkaniżmu li qed jintuża preżentement ta’ “la togħġbok ħaġa, mela se togħġbok l-oħra” huwa mekkaniżmu li jħeġġeġ lil dak li jkun jikklikkja fuq l-ewwel ħaġa li tiġi quddiemu irrispettivament mis-sors tagħha. Wieħed għandu jiftakar li n-nies mhux neċessarjament jagħrfu x’inhu legali u x’inhu illegali, x’inhu falz u x’inhu reali. L-istess mekkaniżmu jgħin fid-distribuzzjoni ta’ reklami foloz u ta’ teoriji ta’ kospirazzjoni għal miljuni ta’ nies. Minħabba f’hekk għandhom jittieħdu miżuri urġenti b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem.”
L-MPE Mizzi kienet ukoll il-kelliema f wieħed mill-workshops fl-Assemblea Diġitali 2018 f’Sofia, il-Bulgarija, fejn attendiet bħala rappreżentata tal-Parlament Ewropew. Marlene Mizzi kompliet tisħaq li m’għandux ikun hemm lok għal aġir abbużiv fuq l-internet, iżda l-pjattaformi online għandhom jintużaw biex itejbu ħajjet iċ-ċittadin. L-MPE Mizzi kienet ukoll fost il-kelliema li indirizzaw lil dawk preżenti fl-għeluq tal-Assemblea.
“L-għan li nelgħbu kontenut illegali online għandu jkun mekkaniżmu li huwa trasparenti u proporzjonali. Is-sigurtà m’għandhiex tfisser li l-Unjoni għandha d-dritt tmur kontra d-drittijiet tal-privatezza u dawk ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jinstab bilanċ bejn il-mod ta’ kif nistgħu nipproteġu liċ-ċittadin u l-libertà tal-esprezzjoni, għalkemm dan mhuwiex faċli! ” qalet l-MPE Mizzi.