Twaqqfet il-Malta Islamic Finance Association li għandha l-għan li ġġib lejn Malta settur ekonomiku ġdid ibbażat fiċ-ċentru ta’ Londra.
L-aqwa imħuh tal-islamic finance ingħaqdu flimkien f’organizzazzjoni waħda sabiex jippromwovu lil pajjiżna bħala l-aqwa ġurisdizzjoni Ewropea fejn dan is-settur jkun jista’ jikber.
Is-segretarju ġenerali tal-Malta Islamic Fiance Association Sheikh Bilal Khan iddeskriva lil Malta bħala pijunier u pajjiż uniku fejn tidħol l-ekonomija.
Il-ftehim ġie iffirmat t-Tlieta filgħodu waqt il-konferenza “The Cryptocurrency Consideration For Management”. Konferenza immirata għan-negozjanti f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari għas-servizzi finanzjarji Silvio Schembri qal li l-Gvern se jikkunsidra emendi fil-liġi sabiex istituzzjonijiet finanzjarji Iżlamici jibbenefikaw minn rabta aħjar mal-istati membri tal-Unjoni Ewropea u biex pajjiżna jkun ċentru fejn ikun jista’ jilqa’ din il-linja ta’ kummerċ. Hawn spjega kif Brexit tista’ tkun opportunità.
Is-Segretarju Parlamentari żied iħabbar li t-Tlieta filgħaxija, il-Parlament Malti se jgħaddi minn stadju tat-tieni qari tliet abbozzi tal-liġijiet dwar il-Cyrptocurrency u l-blockchain.
Fisser dan l-iżvilupp bħala importanti u qal li permezz ta’ dawn il-liġijiet Malta se tkun l-għażla naturali għal investituri u sidien ta’ kumpaniji li jsibu ġurisdizzjoni favorevoli biex iwaqqfu n-negozju tagħhom fl-oqsma tal-cryptocurrency u tal-blockchain.