Illejla fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat, fi stqarrija ministerjali, spjega s-sehem tiegħu f’laqgħa informali msejħa b’urġenza mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi diskussa l-problema li qed tiżviluppa bħalissa tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.
Il-Prim Ministru spjega kif hu tkellem fis-sens li għandna noħolqu soluzzjonijiet u bidliet operazzjonali, u jinħoloq bilanċ bejn il-kriżi umanitarja u l-kwistjoni ta’ sigurtà.
Fost oħrajn ippropona li l-Operazzjoni Sophia tal-Unjoni Ewropea tieħu rwol iktar ċentrali, u li tingħata l-possibiltà lill-awtoitajiet Libjani sabiex jagħmlu l-ħidma mistennija minnhom.
Il-Prim Ministru żied jgħid li fid-dawl li hemm pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li ma jridux jikkoperaw f’din id-diskussjoni, f’din il-laqgħa ta’ sittax-il pajjiż, intlaħaq qbil li l-pajjiżi lesti jaħdmu b’mod konkret favur soluzzjonijiet b’mod konkret, għandhom jiftiehmu direttament mingħajr il-bżonn ta’ kunsens bejn it-tmienja u għoxrin stat membru.
Intant, dwar l-MV Lifeline, fil-Parlament il-Prim Ministru spjega kif pajjiżna, għat-tielet darba bagħat aktar provvisti għall-immigranti abbord. Dan għal vapur li rrifjuta assistenza medika offruta mill-Forzi Armati ta’ Malta, u li preċedentement kiser ir-regolamenti internazzjonali.
Dr Muscat appella għas-sensibilità f’mumenti fejn it-tensjoni tibda tiegħla. Huwa nnota l-għaqda fil-kamra dwar din il-kwistjoni kruċjali u nnota l-attitudni matura tal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem dwar l-immigrazzjoni.