Hemm sforz biex Michael Briguglio jkun imġiegħel jirriżenja minn grupp żgħir li ħoloq hu msejjaħ in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili. Briguglio qed jirreżisti b’saħħa din it-talba u dak li tant jitkellem dwar kunflitti ta’ interess li jkollu ħaddieħor qed jgħid li hu m’għandux kunflitt ta’ interess. Skont hu jista’ jitkellem f’isem is-Soċjetà Ċivili u f’isem il-PN fl-istess ħin.
Iżda, l-Awturi u l-Occupy Justice marru pass oltre minn hekk. Għax ladarba ddeċieda li jkun kandidat mal-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia, Michael Briguglio ma setax jibqa’ fiċ-ċentru tagħhom. Dan f’konferma ċara li fil-Partit Nazzjonalista tal-lum trid tagħżel tkunx mal-grupp ta’ Daphne Caruana Galizia jew mal-grupp ta’ Adrian Delia.
“Awturi jinnota li Dr Michael Briguglio għażel li joħroġ kandidat għal Membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista,” inkiteb fuq Facebook. Hawn kompla jkun miżjud li l-Awturi lesti jaħdmu ma’ min jintbagħat minfloku mis-Soċjetà Ċivili.
L-istess kitbu l-Occupy Justice. Għalkemm biex ivarjawha ftit għamluha bl-Ingliż. Però l-kontenut huwa xhieda oħra ta’ kif iż-żewġ gruppi huma fergħa tal-istess nies b’ismijiet differenti.
Imkejjen fil-Partit Nazzjonalista ma kinux sorpriżi b’din l-aħbar għax filwaqt li sostnew li kemm il-PN u kemm dawn il-gruppi jqisu l-Gvern ta’ Joseph Muscat bħala l-għadu tagħhom, bejniethom ma jmorru xejn tajjeb. Dan għax l-Awturi u l-Occupy Justice huma l-ħolqien ta’ dawk li fil-Partit Nazzjonalista dehru li tilfu l-kontroll wara s-sajf li għadda, fosthom l-Eks Kap Simon Busuttil. Anke jekk Delia prova jilgħaqhom kemm jista’ ma wasal imkien għax lil Delia ma jriduhx fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dwar Michael Briguglio l-imkejjen tagħna fil-PN qalu li ma kinux sorpriżi. Deskritt bħala attivist li beda jimmilita b’mod ġenwin iżda dejjem kellu aspirazzjonijiet personali, Briguglio daħal għal din it-tellieqa għax qed jaraha bħala l-aħħar ċans li xi darba jkun elett xi mkien u jagħmel suċċess politiku.
U l-Partit Nazzjonalista riedu għax jemmen li bih jista’ jiġbor xi ftit mill-voti ta’ dawk aljenati minn Delia. Iqisu li bi Briguglio jkunu jistgħu jiġbru xi ftit oħra mill-voti tal-klikka ta’ Simon Busuttil li għandhom ukoll fuq it-ticket tal-Partit Nazzjonalista lil Roberta Metsola u lil David Casa. Però lil dawk kollha jridu jimminawhom fosthom bil-kandidatura ta’ Frank Psaila.
Il-qasma bejn ta’ DCG u ta’ Delia dehret ċara wkoll fl-intervista li kellu s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ma’ The Malta Independent bi Clyde Puli xejn ma jkun favorevoli fi kliemu għall-attitudni ta’ Simon Busuttil fl-aħħar xhur. Naturalment, Simon Busuttil ġie jaqa’ u jqum minnu u baqa’ għaddej bl-istess manuvri mal-grupp ta’ Daphne Caruana Galizia.