Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne il-Ġimgħa filgħodu ħabbar li l-gvern ser ikun qed iħallas għat-titjiriet ta’ dawk il-pazjenti kollha li jkollhom isiefru barra għall-kura. Dan hekk kif qabel, għall-pazjenti adulti, il-gvern kien iħallas biss it-titjiriet ta’ dawk li jkollhom il-kartuna r-roża. Din il-wegħda eletorali li daħlet fis-seħħ dan ix-xahar tikumplimenta miżura oħra fil-ħidma ta’ dan il-gvern fosthom kollaborazzjoni ma’ NGOs oħra kif ukoll ftehim ma’ ċerti konsulenti speċjalizati li qed jiġu jaraw il-pazjenti Malta.
Minkejja li l-maġġoranza tal-każijiet jiġu trattati f’pajjiżna, hemm dawk li jeħtieġu kura speċjalizzata u għalhekk 800 pazjent jinbgħatu barra minn Malta kull sena. Minn dawn, 150 huma tfal u terz minnhom isiefru fuq trattament tal-kanċer.
“F’dan il-każijiet il-gvern iħallas l-ispejjeż tal-kura anka b’kollaborazzjoni mal-NGOs ngħinu sabiex inħalsu l-ispiża tal-lodging pero sa issa ħafna mill-pazjenti li kien jsiefru għall-kura kienu jridu jħalsu l-vjaġġ huma minn buthom. Minn dan ix-xahar anka minn wegħda elettorali li għamilna is-sena l-oħra il-gvern beda jħallas l-ispiża kollha għall-vjaġġi kollha tal-ajru.”
One News tkellem ukoll ma’ Charlene Fenech li tieħu ħsieb il-loġistika ta’ dawk li jkunu jeħtieġu trattament barra minn Malta. Hija spjeget li din il-miżura ħa tkun ta’ għajnuna kbira għal dawn il-pazjenti hekk kif il-biljetti tal-ajru li ħafna drabi iridu jkunu flessibli ikunu għoljin u allura ta’ piż kbir għall-istess pazjenti.
“Il-biljetti tal-ajru li aħna nibukjaw għall-pazjenti huma pjuttost għoljin għax huma flessibli ħafna għax qatt ma tkun taf kemm ser idum il-pazjent, ġieli tħassru appuntamenti l-aħħar minuta. Ifisser li l-pazjent għandu spiża inqas fl-ispejjeż li jkun ser jagħmel”