Fl-okkażjoni ta’ Jum Tarxien, nhar il-Ħadd li ġej Heritage Malta se tkun qegħda tiftaħ it-Tempji ta’ Ħal Tarxien bi prezz imraħħas.
Il-kumpless tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien, li jifforma parti mil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, huwa kompost minn erba’ tempji. L-erba’ strutturi megalitiċi inbnew fin-Neolitiku (bejn it-3600 u l-2500 sena QK) u reġgħu intużaw fil-perjodu tal-Bronż (bejn l-2400 u l-1500 sena QK). L-eqdem tempju f’dan is-sit huwa dak li jinsab fit-tarf tan-naħa tal-lvant u nbena bejn it-3600 u t-3200 sena QK. It-Tempju fin-nofsinhar huwa l-aktar dekorat bi xbiegħat ta’ annimali u spirali mnaqqxa fil-ġebel. It-Tempju tan-nofs jispikka minħabba l-pjan uniku tiegħu kompost minn sitt ikmamar f’forma ta’ nofs ċirku.
Grazzi għall-passaġġi kemm mad-dawra kif ukoll fuq ġewwa tat-Tempji, dan is-sit huwa aċċessibbli għal kulħadd u dawn l-istess passaġġi joffru wkoll veduta unika tal-fdalijiet preistoriċi. Dan il-kumpless huwa wkoll mgħotti minn tinda protettiva li nbniet fl-2015 bħala parti mill-proġett ta’ konservazzjoni.
Matul Jum Tarxien, ikkommemorat mill-Kunsill Lokali, Heritage Malta se toffri l-opportunitá lill-pubbliku jesplora dawn it-tempji għall-prezz imraħħas ta’ €2. It-Tempji ta’ Ħal Tarxien jiftħu bejn id-9.00am u l-5.00pm, bl-aħħar dħul ikun fl-4.30pm.
Għal iktar tagħrif dwar Heritage Malta żuru l-website, www.heritagemalta.org, jew il-paħna uffiċjali tal-aġenzija fuq facebook.