Illum jingħata bidu għas-sajf hekk kif il-21 ta’ Ġunju huwa l-jum li jibda dan l-istaġun u li fil-fatt huwa l-itwal jum tas-sena.
Minkejja li s-sħana diġà bdiet ġmielha, tul dawn l-aħħar jiem it-temp inbidel bi ftit riħ u saħansitra f’xi jiem kienet imbassra ix-xita. Iżda dan kollu ma waqqafx lill-Maltin u kif ukoll lit-turisti biex jaqbdu xugaman u l-malja u jerħulha lejn l-eqreb bajja biex jgħumu u jgawdu l-baħar minn kmieni.
L-istaġun tas-sajf hu wieħed fost l-aktar favorit ma’ bosta. Dan hekk kif dan l-istaġun ifisser vaganzi, BBQs, temp mill-isbaħ, xi ġelat frisk biex taqta’ minn dik is-sħana, bl-istudenti jkollhom madwar tliet xhur ta’ mistrieħ.
Iżda dan l-istaġun mhuwiex maħbub minn kulħadd hekk kif huma diversi persuni li ma jifilħux is-sħana li tagħmel Malta. Fost dawk hemm l-anzjani u kif ukoll it-trabi li jridu jieħdu ħsieb aktar saħħithom billi jixorbu aktar ilma u kemm jista’ jkun ma joqgħodux fix-xemx.