Matul is-sena li għaddiet, Malta rċiviet total ta’ elf, tmien mija u disgħa u tletin applikazzjoni għal status ta’ refuġjat.
Dan l-ammont li rċieva l-uffiċċju tal-kummissarju għar-refuġjati jfisser tnaqqis ta’ erbgħa punt sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Irriżulta dan minn statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika fil-jum dinji għar-refuġjati li fiha kien imfisser kif matul l-elfejn u sbatax, ma kienu rrappurtati l-ebda wasliet bid-dgħajjes f’Malta, b’għoxrin persuna li kienu ċittadini ta’ pajjiżi Afrikani inġabru minn ħelikopter waqt li kienu bejn sema u ilma u ddaħħlu f’pajjiżna.
Meta ġew analizati l-applikazzjonijiet, Malta kienet ir-raba’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ras għal ras irċeviet applikazzjonjiet għal refuġju f’Malta. Qabel Malta kien hemm biss il-Greċja, Ċipru u l-Lussemburgu.
Kważi żewġ terzi tal-applikanti kienu ċittadini ta’ pajjiżi Afrikani, b’sebgħa u tletin punt tlieta fil-mija minnhom kienu ċittadini Libjani.
Proporzjon kbir tal-applikanti kienu rġiel bl-età tagħhom tvarja bejn it-tmintax u l-erbgħa u tletin sena.
L-uffiċċju tal-Kummissarju għar-refuġjati pproċessa elf, mija u disa’ applikazzjonijiet, bi tmienja u sittin punt sebgħa fil-mija kienu ggarantiti deċiżjoni pożittiva mal-ewwel filwaqt li l-applikazzjonijiet l-oħra ġew miċħuda.