Meta jibdew il-kruċjati warrab wiċċek. L-aħħar li smajt kienet kawża kostituzzjonali li l-Avukat Tonio Azzopardi għamel f’ismu. Jien qrajt ir-rapport tat-Times online, u jingħad li qed jilmenta fuq l-emendi tal-liġi dwar l-IVF u li tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Jien bl-IVF u mingħajr l-IVF la ħrigt u l-anqas nista’ noħroġ tqil. Ma nafx jekk l-Avukat Tonio Azzopardi hux qed jitħajjar joħrog tqil, imma ma jridx bl-IVF jekk ma jirnexxilux.
L-anqas ma jien embrijun. U naħseb li l-Avukat Tonio Azzopardi mhux embrijun.
Għaliex qed ngħid dawn iċ-ċuċati ? Għax biex tagħmel kawża fuq drittijiet tal-bniedem kemm taħt il-Kostituzzjoni u kemm taħt il-Konvenzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, irid ikollok interess personali, jiġifieri tintlaqat int personalment.
L-artiklu 116 tal-Kostituzzjoni jgħid hekk : “116. Dritt ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni li xi liġi tkun invalida għal xi raġunijiet ħlief inkonsistenza mad-disposizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 ta’ din il-Kostituzzjoni tkun tappartjeni lill-persuni kollha mingħajr distinzjoni u persuna li ġġib azzjoni bħal dik ma tkunx meħtieġa turi xi interess persunali b’appoġġ għall-azzjoni tagħha.”
Dan ifisser li jekk inti ssemmi li l-liġi hija għal xi raġuni invalida, tista’ tibqa’ miexi u tagħmilha ta’ paladin. Imma mhux fejn jidhħu kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-artikli 33 sa 45, jiġifieri jekk tkun kwistjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem !
Issa jekk wieħed jara taħt il-Konvenzjoni Ewropea jsib l-istess. Il-Kapitlu 319 tal-Liġijiet fl-artiklu 4 jgħid : “4. (1) Kull persuna li tallega li xi wieħed mid-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali jkun ġie, ikun qed jiġi jew ikun x’aktarx ser jiġi miksur dwarha, jew kull persuna oħra li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta tista’ taħtar ad istanza ta’ xi persuna li hekk tallega, tista’, bla ħsara għal kull azzjoni oħra dwar l-istess ħaġa li tkun tista’ ssir legalment, titlob lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għal rimedju.”
L-enfasi hija fuq il-kelma “dwaru”. Kieku jkun hemm persuna li sofriet vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tmut, allura uliedha jew l-armla jistgħu jmexxu bil-kawża. Kien hemm kawża kontra Malta hekk. Imma mhux kull min ifettillu jqum u jwaddab kawża tad-drittijiet tal-bniedem.
Sentenza tal-Qorti Ewropea ta’ 3 snin ilu qalet:
“164. The Court has consistently held in its case-law that the Convention does not provide for the institution of an action popularis and that its task is not normally to review the relevant law and practice in abstracto, but to determine whether the manner in which they were applied to, or affected, the applicant gave rise to a violation of the Convention” 4/12/15 Zakharov v Russia.
Dejjem irid ikun hemm prova li jistghu jolqtuh personalment bil-ksur tad-dritt.
Għalhekk se nkun attent ħafna ħalli nara l-Avukat Tonio Azzopardi jkunx qed jipprova joħrog tqil.