Emanuel Bianchi ta’ ħamsa u tletin sena, mill-Gżira, baqa’ jinżamm taħt arrest, wara li t-Tlieta tressaq il-Qorti b’akkużi ġodda ta’ serq.
Bianchi kien diġà fil-kustodja tal-Pulizija wara li f’Mejju tressaq il-Qorti akkużat li seraq amplifier u subwoofer minn karozza, u li għamel xi ħsarat fl-istess karozza.
Wara dan, l-investigazzjoni tal-Pulizija wasslet biex Bianchi jitressaq fuq każ ieħor.
It-Tlieta, fil-Qorti, Bianchi wieġeb mhux ħati li f’Ottubru li għadda seraq stereo minn Peugeot ipparkjata fil-Furjana, u li hu reċediv.
Għat-talba tad-difiża biex jingħata l-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat saħansitra pprovda indirizz li ma jeżistix.
Minn naħa tagħha, id-difiża, bħalma qalet fl-aħħar fil-każ preċedenti f’Mejju, sostniet li l-akkużat mistenni jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fiż-żmien li ġej.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.