Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza sessjoni plenarja waqt konferenza ġenerali straordinarja tal-Partit Laburista. Stqarr kemm huwa importanti li nħarsu lejn is-soċjetà li aħna parti minnha u mhux il-Partit jintilef fi tgedwid intern.
Stqarr li huwa importanti li f’dak li nagħmlu, inkattru mill-ġdid is-sens ta’ pożittività. Tul l-aħħar ġimgħat il-Gvern baqa’ miexi ‘l quddiem. Il-Partit donnu waqaf, imma kienet waqfa bżonnjuża biex wieħed iħares lejh innifsu. L-għażla ħa jkun li l-partit irid ilaħħaq mal-enerġija li għandu l-Gvern. Irid ikompli aktar minn qatt qabel.
Joseph Muscat fakkar li qed imexxi moviment u jixtieq ikun ċert li l-partit jibqa’ moviment. Kien hemm wisq żmien meta n-nies kienu jaraw lil Partit Laburista bħala esperti fl-oppożizzjoni. Illum-il ġurnata n-nies qed iħarsu lejn il-Partit Laburista bħala l-Partit fil-Gvern.
Jara li dan il-partit jibqa’ l-partit naturali li jkun fil-Gvern. Irridu nkunu umli biżżejjed biex nindunaw li mhux kull min naħsbu li m’għandux raġun verament m’għandux raġun. Bl-istess mod, mhux kull min jaħseb li għandu raġun, għandu raġun. Ma naqgħux fin-nassa li naħsbu li tagħna biss huwa tajjeb imma d-djalogu li permezz tiegħu inbena l-moviment, ikompli jissaħħaħ.
It-tliet kandidati għandhom rwol importanti fil-futur tal-moviment, sostna l-Prim Ministru. Kompla jgħid li t-tliet kandidati jaqblu mad-direzzjoni tal-Gvern, għalkemm bi stili u karattri differenti.
Dak li jiddistingiwna minn ħaddieħor hija l-konsistenza li ġġib magħha l-kredibiltà. Kull darba li jkun hemm kunflitt ta’ ideat, jistaqsi ‘aħna fiex nemmnu?’. Meta l-prinċipji jkunu ċari, anke l-aktar għażliet difficli jkunu ċari. Għal kuntrarju, ħaddieħor m’għandux konsistenza jew kredibilità.