Wara xhur ta’ negozjati, is-sit soċjali YouTube ħabbar it-tnedija ta’ verżjoni lokali speċifika għal Malta, disponibbli bl-Ingliż fuq youtube.com.mt.
Għat-telespettaturi u d-dilettanti f’Malta, dan ifisser li se jkun aktar faċli li persuna tiskopri lil min qed joħloq il-kontenut kif ukoll aktar aċċess għal kontenut lokali.
Biż-żieda ta’ Malta, YouTube issa għandha verżjonijiet lokali f’aktar minn 90 pajjiż.
It-tnedija tal-verżjoni lokali ta’ YouTube hi wkoll aħbar tajba għal dawk li jikkreaw, għax hi l-ewwel pass għall-introduzzjoni tal-opportunità li persuna ssir partner.
Aktar tard din is-sena, YouTube se tespandi ukoll il-YouTube Partnership Programme (YPP) tagħha f’Malta, biex il-programm ikun disponibbli għall-ekosistema dejjem tikber ta’ dawk li joħolqu l-kontenut lokalment magħrufa bħala creators.
Dan jippermetti lil dawk fil-qasam tal-kreattività biex ikollhom dħul mill-videos tagħhom, filwaqt li jkollhom firxa aktar wiesgħa ta’ għodda u riżorsi biex jagħmlu l-aħjar użu mill-kontenut tagħhom fuq YouTube.
Il-produtturi tal-kontenut diġà jista’ jkollhom aċċess għal lezzjonijiet online permezz tal-YouTube Creator Academy biex jitgħallmu l-aħjar prattiċi, filwaqt li l-Creator Community toffri lill-kreaturi spazju fejn jiltaqgħu ma’ xulxin, joħolqu kollaborazzjonijiet, u ħafna aktar.
B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, is-Segretarju Parlamentari l-Ekonomija Diġitali Silvio Scehmrbi wera s-sodisfazzjon kbir għad-deċiżjoni ta’ YouTube li toħloq din il-verżjoni speċifikament għal Malta bl-Ingliż f’youtube.com.mt.
“Din id-deċiżjoni hi r-riżultat tad-diskussjonijiet li l-Gvern Malti kellu ma’ Google. Wara li rajt il-petizzjoni mingħand il-produtturi lokali tal-kontenut biex Malta tkun inkluża fil-YouTube Partnership Programme ta’ Google, aħna għamilnalobbying b’mod attiv ma’ Google kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew.
Is-Segretarju Parlamentari qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li fix-xhur li ġejjin se naraw li t-talent Malti se jkun ippremjat għall-kontenut kreattiv tiegħu u mtella’ fuq youtube.com.mt.
Huwa ħeġġeġ lill-produtturi Maltin tal-kontenut biex jużaw dan il-kanal b’mod responsabbli, biex b’hekk jieħdu l-opportunità li jippromwovu kemm it-talent tagħhom kif ukoll lil pajjiżna. Huwa ta ħajt ukoll lil Google għall-fiduċja murija f’Malta, talli semgħet it-tħassib ta’ Malta u għall-kontribut tagħhom biex isaħħu l-ekonomija diġitali ta’ Malta.
Fabian Borg, il-fundatur ta’ Creators Malta qal li l-produtturi Maltin tal-kontenut se jkunu fuq livell ta’ creators oħrajn mill-UE u internazzjonalment. Fisser dan l-iżvilupp bħala l-bidu tal-proċess lejn l-inklużjoni sħiħa ta’ Malta fil-YPP, li finalment tagħti lill-produtturi tal-kontenut Malti l-opportunità li jikkummerċjalizzaw l-attività tagħhom filwaqt li fl-istess ħin joħolqu settur ekonomiku ġdid għall-pajjiż.
Enrico Bellini, il-Maniġer tal-Politika Pubblika ta’ Google, qal li b’domain apposta u bil-ftuħ li se jsir dalwaqt tal-Programm f’Settembru, qed iwittu t-triq għal xogħol ta’ aktar produtturi, artisti u mużiċisti Maltin biex jibbrillaw fost il-kommunita’ vibranti tal-vidjows fid-dinja.
After working hand in hand with @Google I am pleased to announce that by end of this year Maltese citizens can start being paid for their videos on @YouTube . SShttps://t.co/cdw0g9JKJX
— Silvio Schembri (@SilvioSchembri) June 19, 2018