Il-kwistjoni tat-taxxa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, ma tista’ tmut qatt.
Il-Partit Laburista fi stqarrija kompla billi qal, dan għal żewġ raġunijiet ewlenin.
Il-PL qal li qabel xejn il-mod kif Adrian Delia indirizza dan in-nuqqas gravi sa minn meta nħatar Kap kien ikkaraterizzat minn nuqqas ta’ trasparenza, wegħdi li ma nżammux u dikjarazzjonijiet kontradittorji. Sa dalgħodu stess kienu ppubblikati dettalji li jpoġġu f’dubju d-dikjarazzjonijiet ta’ Delia.
Spjega li t-tieni huwa ġej mill-fatt li Delia ma jistax jiġġustifika l-aġir tiegħu bl-argument li kien ċittadin privat meta kiser il-liġi u ġie jaqa’ u jqum mill-obbligi tiegħu lejn l-istat.
Temm billi qal li min ma jirrispettax l-istat ma jistax imexxih għax ma jistax ikun ta’ eżempju.