Stilista Maltija ntgħażlet biex taħdem f’kollaborazzjoni fi proġett tal-moda u l-arti f’Napli. Rosemarie Abela hi tfajla ta’ 26 sena mis-Siġġiewi li gradwat fl-2014 mill-Iskola ta’ Polimoda f’Firenze. Fl-istess sena hi ngħatat il-premju bħala l-aqwa stilista waqt il- Mercedes-Benz Fashion Awards f’Malta fejn kisbet suċċess għax-xogħol tagħha tant li bdiet tispeċjalizza f’ilbies magħmulin apposta għal dak li jkun.
Abela hi waħda mill-artisti li ntgħażlet għal dan il-proġett bl-isem ta’ Naples Fashion on the Road li joffri ċ-ċans lil numru ta’ artisti jesebixxu t-talent tagħhom barra mill-pajjiż fejn jirrappreżentaw pajjiż twelidhom permezz tal-arti u l-moda.
Dan hu l-ħdax-il darba li qed jittella’ dan il-proġett wara s-suċċess ta’ kull sena fejn jgħaqqad l-arti flimkien mal-kultura u l-moda.
Din is-sena l-proġett ittella’ fid-distrett ta’ Pignasecca fejn permezz tal-aqwa artisti Madonnari ta’ Napli, inħolqot xena artistika b’karatteristiċi li jirrappreżentaw lill-gżejjer Maltin fosthom xogħol ta’ artist kbir li ħalla effett kbir fuq l-arti f’Malta, l-artist Caravaggio.
Fejn kien għalekk li nħolqu għadd ta’ pitturi minn tal-istess artist mill-artisti Madonnari, artisti li joħolqu l-arti b’mod differenti fejn minflok ipenġu fuq tila jużaw l-art bħala t-tila tagħhom.
Iżda dan mhux biss. Sabiex tiġi kkumplimentata l-arti, ġiet amalgamata l-moda permezz tat-talent artistiku ta’ Rosemarie Abela.