Il-kandidat għall-kariga ta’ Deputat Mexxej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li fl-laqgħat li kellu fl-aħħar ftit ġimgħat mad-delegati tal-partit kienu esperjenza mill-isbaħ.
“Laqqgħuni ma’ bosta li kont ili nafhom għal ħafna snin u li magħhom ħdimt mill-qrib meta kont President tal-Partit. Iltaqjt ma’ oħrajn li bdew iservu bħala delegati fl-aħħar tlett snin u kelli l-opportunità li nsir nafhom wkoll,” qal Zrinzo Azzopardi.
Tenna li ħalih, dawn il-laqgħat servew bħala kontinwazzjoni tax-xogħol li kien inwettaq bħala President tal-Partit. “Minn dejjem emmint li d-delegati, il-kumitati u l-attivisti tal-partit iridu jkunu fiċ-ċentru ta’ dak li nwettqu bħala Partit Laburista,” kompla jgħid Zrinzo Azzopardi.
Zrinzo Azzopardi qal li fl-aħħar tlett snin l-attenzjoni marret fuq il-ħidma tal-gvern iżda ninsabu f’mument importanti li filwaqt li tkompli għaddejjha b’saħħitha u b’suċċess il-ħidma tal-gvern jeħtieġ li nwettqu programm vast ta’ ħidma biex il-Partit jitħejja għaż-żmien li ġej b’mod partikolari għall-elezzjoni ġenerali.
“Jeħtieġ li l-Partit li jkun aktar preżenti fost in-nies. Partit li jżomm kuntatt aqwa man-nies, mal-familji u mas-soċjetà ċivili fit-tifsira l-aktar wiesgħa tagħha. Element ewlieni li wassalna biex ksibna r-rebħa kbira fl-elezzjoni tal-2013 kienet il-preżenza kbira tagħna. Smajna lil kulħadd, tkellimna u fissirna dak li ridna nwettqu. Fuq kollox, wettaqna ħidma kbira u organizzata li wasslitna għall-għan tagħna,” qal Zrinzo Azzopardi.
Fl-istqarrija tiegħu Zrinzo Azzopardi qal li r-rieda tad-delegati u l-attivisti biex jaħdmu aktar flimkien u jsaħħu l-ħidma tal-Partit tkompli timlih b’aktar kuraġġ u ssaħħaħ ir-rieda tiegħu li nagħtu u nwettaq dak kollu li huwa meħtieġ biex Inkomplu Niksbu Suċċess.