Ftit jiem ‘il bogħod mill-bidu tas-sajf u l-by-pass tal-Mellieħa qed jitlesta fil-ħin. Triq li se tkun b’erba’ karreġġjati u anki karreġjata ddedikata għaċ-ċiklisti.
Din it-triq li qed tkun meqjusa bħala state of the art saret b’investiment ta’ żewġ miljun ewro u se tkun qed tara bidliet kbar għall-aħjar.
Fost l-aspetti ta’ sigurtà li żdiedu f’din it-triq hemm id-dwal fit-toroq.
Dawn qabel ma kinux hemm, bħal ma lanqas kien hemm central strip li issa se tipproteġi lis-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq fit-Tramuntana ta’ Malta.
F’din it-triq saru xi korrezzjonijiet minħabba li hemm partijiet mit-triq li huma iktar dojoq minn oħrajn u għalhekk it-triq ġiet irranġata biex il-karreġjati jkunu maqgħuda u kollha l-istess it-tul kollu tal-bypass.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li kien hemm qabel fejn kien hemm postijiet usa’ minn postijiet oħra.
Tibdil ieħor li sar fit-triq huwa tul ir-roundabout ta’ Selmun sar-roundabout qabel tibda n-niżla għall-Għadira, biex b’hekk se titjieb l-aċċessibbiltà għall-Miżieb u jitneħħa l-periklu li seta’ kien hemm.
Intant fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg qal li Transport Malta kienet anki kostretta twaqqa’ ħajt mibni mill-kuntrattur biex il-by-pass tal-Mellieħa ma tonqosx minn żewġ korsiji għal korsija waħda.