Waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu ronda fi Triq Victor Denaro għall-ħabta, ħarġet tfajla minn ġo ħanut u infurmat lill-Pulizija li ġuvni kien allegatament ipprova jisirqilha l-flus mill-cash register iżda ma rrnexxielux u wara li seraq xi oġġetti żgħar oħra, ħarab minn fuq il-post.
Il-Pulizija tad-Distrett bdew immedjatament bi tfittxija għar-raġel ikkonċernat, fejn waqt li kienu għaddejjin minn Triq FS Caruana, ġie nnutat raġel ġo ħanut li kellu xi ġrieħi. Minn investigazzjoni preliminari li saru, irriżulta li l-istess aggressur allegatament kien ukoll daħal f’dan il-ħanut u pprova jisraq lil sid il-ħanut, raġel ta’ 54 sena li jirrisjedi s- Siġġiewi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 54 sena, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa u iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mal-membri tar-Rapid Intervention Unit, komplew bit-tfittxiija għall-aggressur, fejn dan intlemaħ ħdejn ħanut ieħor.
L-allegat aggressur ġie identifikat bħala raġel ta’ 28 sena li jirrisjedi Tas-Sliema. Hu ġie arrestat fuq il-post u qed jinżamm mill-Pulizija biex jassisti fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.