Owen Vassallo tifel ta’ 11-il sena huwa it-tfajjel li din is-sena rċieva l-unur tal-Papa Ġwanni XXIII.
Owen jattendi il-middle school fil-Kulleġġ Marija Regina. Din is-sena Owen iltaqa’ ma’ student ġdid, Jake li għandu diżordni newroloġika rari li ma tħallihx jikkomunika sew mal-oħrajn.
Hawnhekk kien fejn Owen spikka u tgħallem il-ġesti ta’ komunikazzjoni ta’ Jake sabiex jifhmu aktar u għamlu ħbieb flimkien.
Minħabba li Jake kien għamel perjodu f’siġġu tar-roti, Owen kien jimxi quddiem Jake sabiex jipproteġih waqt li jkun għaddej mill-kurituri tal-iskola tiegħu.
Huwa saħansitra kien iħeġġu u jassistih sabiex jimxi distanzi qosra bħala parti mit-terapija għall-fejqan tiegħu.
Owen għamel ħiltu wkoll sabiex Jake ikun inkluż ukoll mal-kumplament tal-klassi. Kien hawn fejn it-tfajjel ħeġġeġ lil sħabu sabiex jinkludu lil Jake fl-attivitajiet u l-grupp tagħhom.
Il-President laqgħet dan il-ġest altruwistiku tat-tfajjel ta’ ħdax-il sena u sostniet il-bżonn li ningħaqdu sabiex kulħadd jingħaqad f’soċjetà waħda u ħadd ma jiġi eskluż. Hija faħħret ukoll il-ħidma tal-laboratorju tal-paċi. Hija laqgħet il-messaġġ ta’ solidarjetà u mħabba li qed joħroġ minn dan il-laboratorju mmexxi minn patri Mintoff.
Patri Dijonisju Mintoff qal li dan it-tfajjel qatt ma xxenaq għal xi unur jew premju iżda huwa dmir tal-Istat li jippremja ċittadini bħalu.