L-ewwel titjira tal-Air Malta li ġiet operata minn kaptan Malti kienet it-titjira KM116 li telqet lejn Gatwick fit-8 ta’ Ottubru 1985. Il-Kaptan ta’ dik ittitjira kien Charles Massa li kellu 31 sena.
Dak iż-żmien, it-titjiriet kollha tal-Air Malta kienu jiġu operati minn kaptana barrani u Charles kien itir taħt is-superviżjoni tagħhom huwa u jħejji ruħu sabiex xi darba jkun hu l-kaptan. Il-ftuħ tal-Air Malta ġab miegħu opportunitajiet ġodda u eċċitanti għaż-żgħażagħ Maltin interessati li jkollhom karriera fl-avjazzjoni.
Fl-1974, il-possibilitajiet li wieħed isir bdot f’Malta kienu remoti ħafna. Wara 41 sena jtir għall-Air Malta, 31 minnhom bħala Kaptan, is-Sur Massa tar total ta’ 25,000 siegħa u wettaq aktar minn 8,000 take-off u nżul. L-aħħar titjira tiegħu, KM 612 Malta – Ruma – Malta, kienet dik tal- Ħamis, 5 ta’ Mejju 2016.
Ikkuntattjat għal kumment, il-Kaptan Massa qal, “Minn mindu bdejt intir, rajt ħafna bidliet fl-industrija tal-avjazzjoni – kollha għall-aħjar. Minn titjib fis-sigurtà tal-linji tal-ajru u t-tibdil fit-teknoloġija tal-ajruplani li rrevoluzzjonat il-mod li bih aħna ntiru, inkluż strumenti tat-titjir u u navigational aids. Illum intiru b’ajruplani li huma aktar effiċjenti fl-użu talfjuwil u t-titjib teknoloġiku f’dan il-qasam huwa mistenni li jagħmel lajruplani aktar effiċjenti u sikuri.”
Il-linja tal-ajru raddet ħajr lill-Kaptan Charles Massa għall-kontribut eċċellenti tiegħu tul dawn is-snin kollha u tixtieqlu rtirar mimli kuntentizza.