Id-data ta’ ġbir mill-operaturi tal-akkomodazzjoni għall-eko kontribuzzjoni tibda minn nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju.
Data li ftehmu dwarha l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis flimkien mal-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u Ristoranti (MHRA).
Dan tħabbar wara li l-Qorti dalgħodu ħassret id-digriet tagħha tat-30 ta’ Mejju 2016, fejn kienet laqgħet it-talba għal ħruġ ta’ mandat. Għaldaqstant il-Qorti ma laqgħatx it-talba ta’ mandat biex jitwaqqaf l-avviż legali li jirregola l-eko kontribuzzjoni.
Kienu numru żgħir ta’ assocjazzjonijiet li talbu lil Qorti tordna ħruġ ta’ mandat sabiex ma jidħolx fis-seħħ l-Avviż Legali dwar l-eko-kontribuzzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tenna li l-atturi tal-mandat ta’ inibizzjoni huma repsonsabbli għal din il-konfużjoni li nħolqot fl-industrija u għat-telf ta’ madwar €140,000 f’ġimgħa waħda biss. Dawn intilfu minn dan il-fond apposta immirat għal proġetti ta’ tisbiħ fl-infrastruttura turistika u lokali.