L-Avultun Prim (Griffon Vulture) salvat minn BirdLife Malta fil-Port Ħieles ta’ Birżebbuġa nhar il-Ġimgħa issa jinsab qawwi u sħiħ fi Sqallija. L-Avultun Prim (Gyps fulvus), li ngħata l- isem ‘Maximus’, kien salvat wara li nqabad minn fuq krejn fil-Freeport, u hu l-akbar għasfur li qatt ġie mgħoddi f’idejn BirdLife Malta biex tikkurah kemm ilha mwaqqfa din l-NGO.
Hu wasal Malta nhar il-Ġimgħa wara li hu maħsub li niżel fuq bastiment tal-merkanzija waqt li dan kien qed jaqsam l-Istrett ta’ Ġibiltà. Wara erbat ijiem fil-kura ta’ BirdLife Malta, ilbieraħ, Maximus kien trasferit lejn wildlife centre fi Sqallija biex jieħu lura saħħtu u l-indipendenza tiegħu qabel ma jinħeles fil-Park ta’ Nebrodi, sit fejn ilu għaddej mill-1998 programm ta’ riintroduzzjoni ta’ din l-ispeċi. Mill-kulur tar-rix, ir-ras u l-għajnejn, Maximus jidher li għandu bejn sena u sentejn li jfisser għasfur ta’ età żgħira għal din it-tip ta’ speċi.
F’din l-età tkun għadek ma tistax tgħid ta’ liema sess hu. Meta nqabad, Maximus kellu problemi serji ta’ nuqqas ta’ piż u l-kundizzjoni tiegħu kienet tinħtieġ trattament immedjat. Ilbieraħ filgħodu staff ta’ BirdLife Malta akkumpanja lill- għasfur lejn Sqallija fejn ġie mgħoddi f’idejn uffiċjali tal-Istituto Zooprofilattico Sperimentale della Sicilia, bid-destinazzjoni finali tiegħu tkun il-Parco Faunistico Venatorio Parco D’Orleans f’Palermo fejn issa qed jingħata aktar kura biex jingħata lura saħħtu.
Malli jkun ħa lura saħħtu u l-indipendenza tiegħu, Maximus jiġi mħejji biex jingħaqad ma’ sħabu fil-Parco Dei Nebrodi fejn hemm popolazzjoni ta’ madwar 100 avultun bħal dan li inizjalment ġew introdotti f’dan il-post minn Spanja.
Lil Maximus se jitpoġġielu ċurkett uniku b’numru apposta li jkun jista’ jinqara mill-bogħod biex ikun jista’ jiġi identifikat u ssorveljat. Finalment jiġi trasferit lejn enclosure fil-Park ta’ Nebrodi qrib l-avultuni l-oħra qabel ma jiġi rilaxxat biex jingħaqad magħhom. Minħabba l-fatt li nstab fil-Port Ħieles u l-fatt li hu speċi rari għal Malta, kollox jindika li l- Avultun Prim Maximus tela’ fuq vapur tal-merkanzija li kien fi triqtu lejn Malta.