Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabret prezzijiet ridotti għal min jixtieq iżur iċ-ċisterni ta’ taħt l-art fil-Belt u l-Pixkerija hekk kif l-esibizzjoni Dal-Baħar Madwarha se tinsab fl-aħħar jiem tagħha.
Il-prezz tal-biljetti għall-esibizzjoni ewlenija ta’ arti kontemporanja ta’ Valletta 2018, Dal-Baħar Madwarha, ġie ridott għal €3 għall-adulti u €2 għat-tfal. Iċ-ċisterni ta’ taħt l-art u l-Pixkerija l-antika li se jibqgħu miftuħa sal-1 ta’ Lulju.
Dawn iċ-ċisterni meraviljużi qed jilqgħu fihom installazzjoni akustika bl-isem ta’Who By Fire minn Susan Philipsz, li hija wkoll rebbieħa tal-Premju Turner. L-installazzjoni ta’ Philipsz tirreferi għal qanpiena navali antika li ġiet salvata u li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra f’Sant’Iermu. Din il-qanpiena llum tibqa’ rikordju tal-impatt u l-qawwa tal-attakki mill-ajru waqt il-gwerra. Ix-xogħol ta’ Philipsz ifakkarna fil-memorji u fil-kulturi lokali differenti matul iż-żminijiet. Iċ-ċisterni għandhom storja li tmur lura diversi snin, hekk kif ġew mibnija mill-Kavallieri, u ġew użati bħala riżerva tal-ilma għal mijiet ta’ snin, kif ukoll bħala xelter waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-installazjoni ‘A Straight Line Through the Carcass of History’ fil-Pixkerija, binja skedata tat-tieni Grad mibnija kmieni fis-snin 30 tas-seklu li għadda, għandha x’taqsam direttament mal-binja tal-Pixkerija nnifisha. L-installazjoni, maħduma minn’ Ibrahim Mahama, hija magħmula minn linja dritta ta’ xbieki, bl-intenzjoni li tfakkar lill-udjenza fl-użu tal-Pixkerija fil-passat, fil-futur inċert tagħha u fil-Baħar Mediterran bħala simbolu ta’ kummerċ bejn l-Afrika u l-Ewropa. Ibrahim Mahama, artist mill-Ghana bbażat f’Accra, hu wieħed mill-iżjed artisti Afrikani influwenti ta’ dan iż-żmien. Hu jgħix, jaħdem u jippjana l-futur tiegħu hemm, mhux bħal ħafna mill-kollegi Afrikani tiegħu li għażlu li jemigraw lejn l-Ewropa jew l-Istati Uniti. Hu juża t-trasformazzjoni ta’ diversi materjali biex jesplora temi ta’ komodità, migrazzjoni, globalizzazzjoni u skambju ekonomiku.
L-esibizzjoni tiftaħ mit-Tlieta sal-Ħadd bejn il-11am u s-7pm. Biljetti jistgħu jinxtraw mill-kjosk tal-biljetti li jinsab faċċata tal-Qorti jew minn tickets.valletta2018.org. Dal-Baħar Madwarha tibqa’ miftuħa sal-1 ta’ Lulju, 2018.