Minn tmiem dan ix-xahar, apparat mediku ġdid li jiswa kważi miljun ewro se jibda jintuża fis-sala tal-catheterisation fid-Dipartiment tal-Kardoloġija fl-Isptar Mater Dei.
Dan l-apparat mediku ġdid jieħu X-Ray tal-qalb b’mod aktar kumpless.
Kif jispjega r-radjografu Joseph Vella, b’esperjenza t’aktar minn għoxrin sena fil-qasam tal-anġografija, dan l-apparat mediku ġdid fjamant li qed jitpoġġa bħalissa se jagħti aktar faċilitajiet biex joħorġu iżjed riżultati fil-fond.
Vella qal li “Dan huwa monitor kbir, sa qabel kellna sitt monitors li kienu jiffunzjonaw, kellu area partikulari, allura b’hekk jista’ jiffaċilità li jara ċertu affarijiet bħal pereżempju ultra-sound tal-qalb minn ġewwa, li jista’ jara fejn ipoġġih l-inset. Jew jekk il-pazjent ikun għamel CT scan tal-qalb koronarju, jkun jista’ jintegra miegħu biex ikollhom mappa jew waqt ċertu proċeduri.”
Punt importanti ħafna huwa li b’dan l-apparat il-ġdid, il-pazjent mhux se jirċievi daqshekk raġġi u b’hekk jitnaqqas ferm ir-riskju.
Spjega li “Inti tnaqqas id-doża li tidħol fil-pazjent, speċjalment rigward ċertu proċeduri kumplessi li għandek iktar riskju, dana. U tgħin ukoll li tkun iktar faċli li ssir ċertu proċeduri li possibilment anki jitnaqqas ċertu ħin minn qabel minħabba li hemm aktar faċiltajiet fil-qrib.”
Preżentament hemm żewġ magni tal-anġografija tal-qalb u dik li uriena r-radjografu hija l-ewwel waħda li qed jiżdied fuqha l-apparat mediku l-ġdid. Iżda sa l-aħħar tax-xahar id-dieħel hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-tieni magna biex b’hekk aktar minn tlett elef persuna li fis-sena jidħlu għal mard tal-qalb jiġu kkurati aħjar.
Il-fondi għal dan l-apparat mediku nħarġu mill-Fond Soċjali u l-Iżvilupp Nazzjonali, fondi li daħlu mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
B’dan l-investiment, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne saħaq li dan huwa mod tanġibbli kif il-flus li qed idaħħal il-pajjiż qed jaslu għand in-nies.
Sostna li “Dan huwa l-mod kif il-ġid u l-policies tal-Gvern jilħqu lil poplu. Għax inti meta għandek tlett t’elef ruħ illi f’mument daqshekk delikat ta’ ħajjithom, meta għaddejin minn intervent fuq il-qalb, ikunu qegħdin igawdi minn fondi li ġejjin mill-investiment illi sar grazzi għaċ-ċittadinanza illi tajna lil diversi persuni, huwa mod kif il-flus qegħdin jaslu għand in-nies.”