Tilef ħajtu t-Tork ta’ 22 sena li ddaħħal Malta wara li ndarab f’inċident li seħħ fuq vapur tal-merkanzija.
ll-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-sagħtejn meta il-Pulizija ġiet infurmata li raġel kien weġġa’ waqt li kien fuq bastiment li kien jinsab 24 mil nawtiku ‘l barra mill-Ponta ta’ San Dimitri, Għawdex.
Minn investigazzjonijiet preliminari li għamlet il-Pulizija, irriżulta li r-raġel huwa Tork ta’ 22 sena u li kien indarab meta kien inqabad bejn xi makkinarju.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura permezz ta’ helicopter tal-Forzi Armati ta’ Malta u tim mediku. Sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Bil-każ kien informat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. G. Mercieca LL.D. li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.