Il-Ħamis fil-korsa tal-Marsa saret il-finali tat-Tazza Sette Giugno riservata għall-Klassi Premier li kienet ferm mistennija minħabba l-kwalità għolja taż-żwiemel li kien fiha. Wara li żewġt’iżwiemel kienu rtirati 10 kienu fuq it-tluq f’tiġrija li kif kien mistenni fetħet b’veloċità qawwija.
Kien mill-ewwel il-favorit Okay dei Ronchi li mar fuq quddiem u taħt il-gwida ta’ Noel Baldacchino ħareġ rebbieħ b’ċerta kumdità biex irreġistra it-tielet rebħa konsekuttiva u l-ħames waħda tas-sena. Il-preżentazzjoni tat-trofej lir-rebbieħa saret mis-Sur Martin Arrigo f’isem Chukkas Restaurant l-isponsors ta’ din il-finali.
Is-seba’ tiġrijiet l-oħra fil-programm kienu fuq distanza ta’ 2640m. Kellna erba’ tiġrijiet għall-Klassi Gold fejn Tom de la Crou misjuq minn Donio Vella ħa t-tieni rebħa ta’ l-istaġun, Sensei misjuq minn Nicholas Bonello irreġistra l-ewwel rebħa staġonali, Warica ħadet it-tieni rebħa tal-istaġun misjuqa minn Noel Baldacchino u Ubachkou Valiere misjuq minn Charles Camilleri ħareġ rebbieħ għall-ewwel darba f’Malta.
Fi Klassi Silver Vasco de Montmarce ukoll irreġistra l-ewwel rebħa fostna misjuq minn Clifferty Calleja u ż-żewġ tiġrijiet tal-Klassi Bronze taw l-ewwel rebħa f’Malta lil Vasco Dairpet misjuq minn Julian Farrugia u t-tieni rebħa ta’ l-istaġun għal Record du Mexique misjuq minn Marvin Cauchi.
Il-programm ta’ tiġrijiet li jmiss issa jsir tard wara nofsinhar nhar il-Ħadd bil-finali tal-Kampjonat Le Trot.
Ritratt (Alex Azzopardi) tal-preżentazzjoni Finali Chukkas Sette Giugno Cup.